Meta Pixel Code

11 May 2025

Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Studju Bibbliku Ġw 13:31-33a,34-35 - Qari tal-Ħames Ħadd tal-Għid

 


Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Is-silta tal-lum toħodna lura għall-Aħħar Ċena.  Dan għaliex Ġesu għamel diskors twil li Ġwanni jaqsmu f’erba’ kapitli. Hu diskors importanti għax fih insibu l-aħħar struzzjonijiet tal-Imgħallem lid-dixxipli tiegħu. Meqjus ukoll bħala t-Testment qaddis ta’ Ġesu li kull Nisrani għandu jaqra u jirrifletti fuqu b’ċertu fervur, bħala l-aħħar xewqat li esprima Kristu qabel ma mar għall-mewt.  In fatti huwa ġabra tat-tagħlim kollu tiegħu u turija ta’ kif  offra ħajtu bħala rigal lill-umanita’.


“Issa Bin il-bniedem huwa msebbaħ.” Dal-verb ‘imsebbaħ’ (glorifikat) insibuh ħames darbiet f’dis-silta. Ħafna jaħsbu li dak ma kienx il-mument fejn wieħed jitkellem fuq ‘glorja’.  

Mela ħa naraw il-fatti: Ġuda ħareġ barra fid-dlam, għax ma ħalliex li jkun immexxi mid-dawl tal-Imgħallem. M’għoġbitux il-proposta ta’ Ġesu għax din kienet se tqalleb l-ordni soċjali, politiku u reliġjuż tal-pajjiż.  Anki għax Ġesu ppreżenta Alla differenti minn dak tar-rabbini. Ma setgħax iniżżilha li dixxiplu jrid ikun seftur tal-oħrajn kollha. L-anqas Ġesu ma rnexxielu jibdillu qalbu. Żgur li, bit-telfa ta’ Ġuda, Ġesu ħassu fallut. Għax, wara kollox, l-anqas id-dixxipli l-oħra ma kienu konvinti bis-sħiħ fuq il-missjoni tiegħu. Kieku dil-ħaġa ġrat lilna, naħseb li konna nirrabjaw għalih u nisħtuh. Għal kuntrarju, Ġesu, għalkemm iddispjaċut, ma juri l-ebda disprezz u ma jlissen l-ebda kelma  kontra Ġuda.

F’dal-kuntest Ġesu jagħti lid-dixxipli tiegħu kmandament ġdid, bl-isbaħ kliem ta’ mħabba li setgħu joħorġu minn fommu. Din l-imħabba perfetta se jixhed għaliha b’ħajtu. Hawn għandna messaġġ għalina d-dixxipli tal-lum. Fl-isforzi tagħna biex inwasslu l-messaġġ ta’ Kristu għal dinja ġdida, sikwit niltaqgħu ma’ min iwaqqa’ għaċ-ċajt  l-akbar valuri qaddisa (e.g. il-fidi, ż-żwieġ u l-familja, il-fedelta’ fiż-żwieġ), joffri ż-żgħażagħ kull tlellix biex ibegħidhom mill-Knisja, jgħajjarna antikwati, b’moħħna magħluq, eċċ. Ġesu jistedinna biex lil dawn nirrisponduhom mhux b’xi disprezz jew saħta, imma billi nilħqu l-quċċata tal-imħabba, e.g. inħobbu lil min qed jippersegwitana u min jagħmlilna l-bsaten fir-roti.  Inħobbuh kif Kristu ħabb lil Ġuda.

Fadal ftit siegħat biex Ġesu jiġi arrestat. Kif qed jitkellem fuq glorja? Aħna, li writna din l-ideja mill-Griegi, nistennew il-glorja wara xi rebħa kbira, xi suċċess fenomenali jew xi avveniment li jagħmilna famużi. Niftakru li x-xitan kien ittanta lil Ġesu ukoll fuq hekk: “Dawn kollha jkunu tiegħek jekk tadurani,  i.e.  timxi fuq il-pariri tiegħi, tirfes fuq id-dgħajfa, tigdeb, eċċ.”   Ġesu ma ċediex għal dan l-ingann għax dan mhux glorja imma vanaglorja, i.e. frugħa supperva. Din ħaġa ddestinata li tispiċċa fix-xejn.  Imma l-vera glorja, dik li tgħodd f’għajnejn Alla, insibuha fil-Bibbja. Ġejja minn kelma Griega li tfisser ‘piż’. Min għandu dil-glorja, kliemu jkun fihom il-piż, fihom x’tomgħod u għalhekk jiġu milqugħa b’rispett. Dal-kliem, skont il-Bibbja,  m’huwiex tiben li jtir mar-riħ, imma żerriegħa tal-qamħ li fiha l-piż, li tibqa’ u li tagħti l-għixien għall-ħajja. Għalhekk, mela, Ġesu qed jgħid: “Issa hu l-mument ta’ glorja.”

“Ħobbu lil xulxin.” Ġesu jsejjaħ lid-dixxipli u lilna ‘uliedi’ (teknia:uliedi ċkejknin) għax f’dal-mument fejn qed iħallilna t-testment tiegħu, qisu bħal dak il-missier li jippretendi li uliedu jsiru jixbħuh f’kollox, jagħmlu bħalu u jimxu fuq il-kriterji u l-prinċipji tiegħu. Dan kollu Ġesu ġabru f’sentenza waħda: “Ħobbu lil xulxin kif  ħabbejtkom  jien.” 

Xi wħud forsi ppretendew li jħallilna bakketta maġika biex insolvu l-problemi kollha tagħna. Imma Ġesu ried li l-mirakli  jseħħu ma’ min jisma’ kelmtu u jbiddel ħajtu: din transformazzjoni tassew mirakuluża. 

Flus u ġid ieħor ma kellux xi jħallilna. Għalhekk tana mhux suġġeriment imma kmandament ġdid. Dan m’għandux jitħalla miktub fuq karta jew tavla tal-ġebel, imma mnaqqax fuq qalbna. Min jagħmel hekk  jikseb identita’ ġdida, divina u eterna li jibda jgħixha minn issa stess. Ħajja bħal din issir kmandament, fi kliem ieħor mhux xi ħaġa mposta minn barra taħt piena ta’ kastig, imma wieħed iħoss minn ġewwa fih il-bżonn li ma jistax jagħmel mod ieħor ħlief  iħobb kif iħobb il-Missier. 

Il-Levitiku, Seneka, Konfuċju u oħrajn kienu ġa qaluha din: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Mela x’hemm ġdid f’dal-kliem ta’ Ġesu? Li nħobbu mhux biss kif inħobbu lilna nfusna imma kif  suppost iħobbu ulied Alla: “Kif ħabbejtkom jien.” 

U kif wera mħabbtu Hu? B’hekk inkabbru fuq l-art it-tama. Ħadd ma jista’ jħobb aktar minn hekk, u ebda kmandament ġdid ieħor  ma jista’ jeħodlu postu:  “ Minn hekk nixtieq li n-nies jagħrfu li intom dixxipli tiegħi, meta jarawkom tħobbu lil xulxin.”

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form