Meta Pixel Code

10 June 2025

Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. L-Ispirtu jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Studju Bibbliku Ġw 16:12-15 - Solennità tat-Trinità Qaddisa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.

Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Matul is-sekli, il-maġġoranza tan-nies emmnu f’xi ħadd li ħalaq l-univers.  Tawh ismijiet differenti. Għal xi wħud ma kienx persuna imma dik il-ħaġa assoluta (univers) li anki aħna nagħmlu parti minnha (Pantejiżmu).  Dan l-esseri la tista’ tkellmu l-anqas titolbu.  Oħrajn emmnu f’allat li ma jinteressawx ruħhom fil-bnedmin, bħal tal-Griegi, li kienu anki jgħiru għall-bniedem meta jarawh ferħan. Oħrajn kellhom alla gwerrier li jiddefendi l-poplu tiegħu minn allat ta’ popli oħra. 

Għal Islam, Alla ħallieq u qiegħed “hemm fuq” ‘il bogħod mill-bniedem.  Hu kbir u l-bniedem ħdejh hu ftit irmied, jistenna l-jum meta jieħu l-premju jew kastig.  Għall-Lhud, Alla hu qrib il-bniedem, jimxi miegħu fit-triq tal-ħajja. 

Mela, mhux biżżejjed temmen f’xi alla, imma liema wieħed: missier li moħħu fil-ġid t’uliedu, jew sid li jippretendi jkun servut mis-sudditi tiegħu?  U għalina l-Insara?   Fis-silta tal-lum insibu rikkezza spiritwali immensa.

Illum qed niċċelebraw l-aspett speċifiku tal-fidi tagħna:  Nemmen f’Alla Trinita’.  

Irridu noqogħdu attenti kif nużaw dil-kelma għax mhijiex Biblika.  Hi attentat biex niffurmaw ideja ta’ dil-verita’ Biblika skont ir-raġunar filosofiku tagħna. Il-Bibbja ma ttiniex raġunar fuq Alla imma tgħidilna x’għamel u x’qed jagħmel. Tgħidilna xi ħaġa fuq il-ħajja intima Tiegħu, fuq Missier li ħalaq kollox u li rrivela ruħu f’immaġini perfetta ta’ mħabba u mħabba biss.  Dan nagħrfuh għax rajna din l-imħabba tinkarna ruħha biex tkun qrib tagħna. 

Il-Bibbja titkellem ukoll fuq l-Ispirtu, li Hu l-ħajja ta’ dan Alla.  Dil-ħajja tinteressana ħafna għax, mill-eternita’ ried li aħna niffurmaw parti minn dil-imħabba. Id-destin tagħna hu dal-ferħ infinit: “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesu’ Kristu li għażilna minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu għalih ulied adottivi”  (Ef. 1, 3-5).  Hu biss b’dan id-destin quddiem għajnejna li ħajjitna tagħmel sens.  

Ġesu’ lil Nikodemu qallu: “Jiħtieġ li wieħed jitwieled mill-għoli”.  B’dan Nikodemu fehem li l-bniedem jiħtieġlu jitwieled mill-ġdid. Ġesu’ kkoreġieh: “Mhux jerġa’ jitwieled naturalment, għax hekk jibqa’ fejn hu issa, f’ħajja bijoloġika li tintemm, bħal dik tal-annimali u l-pjanti.  Minn flok jiħtieġlu jitwieled mill-ilma u l-Ispirtu, biex b’hekk jiret ir-rigal ta’ ħajja li mhijiex ta’ did-dinja imma hija l-istess ħajja tal-Etern” (Ġw 3, 4-5).  Dan hu l-messaġġ tal-Liturġija tal-lum: aħna m’aħniex destinati għall-mewt bijoloġika, imma, għax irċevejna l-Ispirtu t’Alla, għad niġu milqugħa fil-ħajja tal-Etern, fil-ħajja ta’ mħabba tat-Trinita’.

“Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verita’, iwassalkom għall-verita’ kollha.” Din hi l-ħames darba fl-Aħħar Ċena li Ġesu’ wiegħed l-Ispirtu s-Santu.  Il-Vanġelu skont Ġwanni fih aktar kunċetti tejoloġiċi milli parabboli. 

Meta Ġesu’ jgħid: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom,” ma jfissirx li fi tliet snin ma qalx dak kollu li hu neċessarju għad-dixxipli, imma li, għalissa, ma jifilħux il-piż kollu li jġorr it-tagħlim tiegħu. Fi kliem ieħor, ma setgħux iniżżlu l-verita’ li kien meħtieġ li Ġesu’ jirregala ħajtu, u jiġi kkundannat qisu xi qattiel midgħi.  Ma setgħux jifhmu kif li min jagħti ħajtu, isalvaha għall-eternita’.  

Issa Ġesu’ se jħalli din l-ispjega f’idejn “l-Ispirtu tas-sewwa.  Hu jmexxikom lejn is-sewwa kollu, u ma jitkellimx minn rajh, (mhu se jgħid xejn ġdid), imma se jispjegalkom dak li għallimtkom jien.”  Imma mhux biżżejjed li d-dixxipli jifhmu sew dan kollu.  Huma wkoll iridu jimxu fuq il-passi ta’ Ġesu’ u jinvolvu ruħhom fil-proġett li Ġesu’ fassal għal dinja ġdida ta’ mħabba u maħfra

Nieħdu eżempju: tfajla tiltaqa’ ma’ ġuvni u fi ftit żmien issir taf kollox dwaru.  Jekk f’qalbha ma jinxtegħlux xrar ta’ mħabba, din mhux se torbot qalbha miegħu għall-ħajjitha kollha.  L-istess aħna.  Nistgħu nsiru nafu ħafna dwar Ġesu’, nifhmu s-sens ta’ ħajtu u, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, nikkonkludu li ħajja tkun suċċess jekk tkun mogħtija bħala rigal.  Dan l-għarfien kollu ma jkun jiswilna xejn jekk ma nagħmlux il-pass li jmiss: nikkommettu ruħna għal din il-missjoni.  Se jkun l-istess Spirtu li se jixprunana nagħmlu dan.

“.. u jħabbrilkom il-ġejjieni…” Dan ma jfissirx li se jbassar il-futur bħal xi saħħar, imma li se jurina x’jibqa’ mill-ħajja li jagħmel sens, li hu ta’ valur. Se jilluminana biex naħarbu dak li ma jagħmilx sens, li mhux ta’ preġju, li hu superfiċjali u li ma jiswa xejn. Ifakkarna fi kliem Ġesu’: “X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha imbagħad jitlef ħajtu?  Mela, ħares ‘il quddiem, u ara x’se jibqa’ mill-eżistenza tiegħek.”

“Hu jagħtini glorja.”  Bi glorja aħna nifhmu applawsi, unuri u tifħir.  Għal Ġesu’, il-glorja tfisser ħaġa oħra. Meta jgħid li Hu gglorifika lill-Missier ifisser li wera l-wiċċ awtentiku tal-imħabba tal-Missier. 

Ħadd qatt ma seta’ jimmaġina ir-rejalta’ ta’ Alla kif ġiet ippreżentata minn Ġesu’. Wiċċ Alla ibbrilla perfettament f’wiċċ Ġesu’, bil-qofol jasal fil-passjoni ta’ mħabba li uriena fuq is-salib. Għall-bnedmin, il-kalvarju kien il-waqa’ tal-glorja t’Alla, imma ta’ dak Alla kif kienu jimmaġinawh huma. 

Kieku Ġesu’ niżel minn fuq is-salib qabel miet, kieku kien jikkonferma il-glorja ta’ dan Alla ta’ moħħhom, Alla li jikkastiga, eċċ.  Imma dan ma kienx ħlief idolu. 

Ġesu’ jigglorifika lill-Missier, - Ried jurihom li l-Missier mhux dan l-idolu li ħolqu f’moħħhom, imma Hu mħabba u mħabba biss.  Fuq is-salib, tahom prova li, jagħmlulu x’jagħmlulu, mhux se jirnexxielhom iġiegħluh jgħid ħaġa oħra ħlief “Inħobbkom.”  Din hi l-glorja li Ġesu’ ta lill-Missier.  

Ġesu’ jkompli: “Issa l-Ispirtu se jigglorifika lili, (dan l-istess Spirtu li mexxieni sal-Kalvarju), se jinżel fuq id-dixxipli u jqanqalhom biex iwettqu l-opri tiegħi ta’ mħabba.”

“L-Ispirtu se jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.  Mela jiħtieġ tisimgħuh, għax se jissuġġerilkom x’għandkom tagħmlu. Biex tagħmlu dan, hemm bżonn issikktu f’qalbkom l-ilħna l-oħra ta’ raġunar żbaljat tad-dinja, għax dawn ġejjin mill-ġisem u l-passjonijiet u mhux mill-Ispirtu. Mela, attenti għall-Ispirtu għax se jħabbrilkom kif kliemi se tpoġġuh fil-prattika, u kif tittraduċu dawn il-kliem f’mod ta’ ħajja.”

Meta nitolbu tassew, niddjalogaw m’Alla u nindirizzawh bħala Pa, papa’ jew Daddy (hekk tfisser il-kelma “Abba”),  Kull tant nitkellmu ma’ Sidna Ġesu’ Kristu b’mod intimu, u nitolbuh xi grazzji.  Ejjew ma ninsewx lill-Ispirtu s-Santu li rċevejna, u li jinvolvina fil-ħajja tat-Trinita’.


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form