Meta Pixel Code

01 August 2025

Kunu lesti intom ukoll. Studju Bibbliku Lq 12:32-48 - id19-il Ħadd. Sena “Ċ”

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll. Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

Qallu Pietru: “Mulej, din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: ‘Sidi jiddawwar ma jiġi’, u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għall-għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Il-Ħadd li għadda rajna kif sid ta’ għalqa kellu ħsad tajjeb, imma ma gawda xejn minn dan il-ġid. Illum Ġesu jgħidilna x’nagħmlu biex ma jiġrix hekk lilna.

“Merħla ċkejkna, tibżgħu xejn.” Jibda hekk għax se jagħmel proposta li għandha mnejn tbeżżagħna. In fatti, Ġesu qisu qed jistenna li ftit (merħla ċkejkna) se jagħtu widen għal kliemu, għax se jgħid xi ħaġa ta’ riskju. 

Waqt li aħna ninkwetaw meta ma nixtrux djar, għelieq (plots) u ġid ieħor bi rħis, u ma nbiegħux bl-għali, Ġesu jgħidilna: “Il-ġid li għandek qed jitlef il-valur tiegħu. Tibża’ xejn. Issa l-waqt li tbiegħu, u l-flus agħtihom karita’.” 

Il-kelma użata bil-Grieg ma tfissirx ‘karita’ jew ‘elemożina’ (fejn nagħtu ftit ewro darba kull tant) imma ‘ġustizzja’. Mela Ġesu mhux qed jgħidli biex inwaddab kollox ‘il barra mit-tieqa, imma li b’ġidi nagħmel ġustizzja ma’ min hu fil-bżonn. Il-ġid hu t’Alla, għalhekk min m’għandux biżżejjed biex jgħix, għandu dritt “jgħix ma’ min għandu,” fi kliem ieħor, għandu dritt għaż-żejjed li għandi jien. 

“Fittxu boroż li ma jitmermrux…. għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm qalbkom ukoll.” Mhux ta’ b’xejn li ħafna maħbubin jirreferu għal xulxin bħala ‘teżor’ daqs li kieku qed jgħidu ‘qalbi’.

Is-sid tal-Ħadd li għadda qatt ma basar li l-mewt se tifirdu ħesrem minn ġidu. Ġesu jurina kif  ma nħallux li jiġrilna dan bi tliet parabboli: 

“Henjin dawk il-qaddejja li, meta jiġi sidhom, isibhom jishru.” Is-sid li telaq għall-festa tat-tieġ hu Kristu li wettaq il-missjoni tiegħu, u tela’ għand il-Missier. Biex ikomplu l-missjoni tiegħu ħalliha f’idejn il-qaddejja, il-kommunita’ Nisranija. F’din id-dar m’hemmx sidien, imma kollha qaddejja. Kull wieħed għandu r-rwol x’jaqdi u kif għandu jġib ruħu: 

“.. ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ mixgħula.”    Fil-Lvant, in-nisa u l-irġiel jilbsu libsa twila. Waqt ix-xogħol u meta jimxu barra, jorbtu dil-libsa mill-qadd. F’ħin il-mistrieħ, iħollu dan l-irbit biex jirrilassaw.

Ġesu hawn qed jgħid li s-segwaċi (dixxipli) tiegħu għandhom iżommu ġenbejhom imħażżmin biex juru li huma dejjem lesti biex jaqdu, anki fil-ħin liberu tagħhom. Għandhom ukoll dejjem iħallu l-musbieħ mixgħul biex, min jiġi jfittex l-għajnuna u jara d-dawl, jagħmel kuraġġ u jħabbat il-bieb, anki bil-lejl. 

Il-qaddej li jimmaniġġa ġidu sew, u jkun dejjem lest għall-qadi tal-proxxmu, se jgħix ħajja li tkun irnexxiet f’għajnejn Ġesu. Dan ikun qisu qaddej li jkun qed jistenna ‘l sidu ġej lura minn vjaġġ, u, meta jasal għall-għarrieda, isib lill-qaddej fidil fuq xogħlu. 

Din m’għandhiex x’taqsam meta l-mewt tiġi fuq xi ħadd għall-għarrieda, issibu midneb u jmur l-infern. Kull meta jiġi Ġesu, jiġi biex jagħmlilna festa. Ħafna drabi jiġi fil-fqar li, permezz tagħhom, Hu jħabbtilna l-bieb. Mux biss jistenna li niftħulu imma wkoll li naqduh b’għajnuna siewja u tanġibbli lill-fqir (Inħobbok f’min hu fqir). Mhux biss bil-flus imma wkoll nagħtu mill-ħin tagħna, nisimgħu il-karba tagħhom, forsi nagħtu kelma ta’ konfort jew xi parir, jew immorru xi qadja għalihom.  B’hekk dan l-investiment għaqli fl-imħabba jirrendilna teżor li ma jitmermirx u ma tmissu l-ebda kamla.

“Tassew ngħidilkom li jqegħidhom fuq il-mejda, jitħażżem u jgħaddi jservihom.” F’ikla ta’ tieġ kont issib il-mistednin mimdudin (sdrajjati)  madwar il-mejda, u l-qaddejja.  

Fl-Aħħar Ċena, id-dixxipli kienu għadhom bl-ideja li tkun kbir ifisser tkun servut. Ġesu qaleb dal-kunċett ta’ taħt fuq: “tkun kbir meta taqdi”, u tahom eżempju billi ħaslilhom riġlejhom.  Illum ukoll qed jgħidilhom li meta jerġa’ jiġi, lid-dixxipli li kibru fil-qadi tal-proxxmu, “jqegħidhom madwar il-mejda, jitħażżem u jgħaddi jservihom.” 

Dan għax ikunu mxew fuq il-passi ta’ Ġesu ta’ Nazaret, li ġie fid-dinja “mhux biex ikun servut imma biex iservi.”  Il-kobor t’Alla hu l-qadi, għax il-qadi jfisser imħabba. Bniedem ikun kbir daqskemm jaqdi lill-proxxmu: “Alla nnifsu jkun magħhom u jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.” (Apok. 21, 4)

“Jekk sid id-dar ikun jaf x’ħin se jiġi l-ħalliel, ma jħallihx jidħollu f’daru.” Veru li l-mewt tista’ tiġi bħal ħalliel, imma, meta jiġi Alla, ma jiġix “biex jiħdilna kollox” imma biex isalvana. Mhux Alla hu l-ħalliel, imma kull min itellifna ċ-ċans li nagħmlu l-ġid mal-proxxmu. 

Ġesu qed iwissina llum biex noqogħdu dejjem għassa għal dawn il-ħallelin. Mhux kulħadd imut f’daqqa. Ħafna jmutu wara marda twila jew ta’ eta’ kbira. Bħala wlied Alla, għandha tkun ħaġa naturali li nużaw daż-żmien twil misluf lilna biex inħobbu kif iħobb Hu. Qabel ma jiġi għall-aħħar darba, jiġi jżurna ħafna drabi oħra liebes ta’ fqir, biex ifejjaqna mir-regħba tagħna, u “jisirqilna” ġidna billi jħajjarna naqsmuh mal-foqra, li jistgħu jiġi “għal għarrieda”, wara l-kantuniera, jew wara biebna. 

Dawn joffrulna ċ-ċans biex ngħinu. Ġesu jgħidilna li, tant għandna nkunu għassa, li m’għandniex nitilfu ċans wieħed minn dawn. L-għotjiet li nagħtu lill-fqar isiru mħabba u jsalvawna mir-regħba. Min jgħix hekk, se jgħix fil-paċi għax il-mewt mhu se ssiblu xejn x’tisraqlu.   

Pietru qallu: “Dil-parabbola qed tgħidha għalina?” Ġesu wieġbu: “Fost il-qaddejja hemm xi wħud li ġew fdati aktar mill-oħrajn. Dawn iridu joqogħdu għassa aktar, għax faċli jaħsbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi” u jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom. 

Min imexxi l-Komunita’ jrid ikaxkar l-oħrajn bl-eżempju għax, “jekk tawk ħafna, ifittxu ħafna minn għandek.” Luqa qed jikteb fi żmien meta mhux il-mexxejja kollha kienu qed jamministraw il-ġid tal-komunita sew.  Ir-regħba għelbithom għax ma għassux tajjeb. 

Bil-kliem “jagħmlu bċejjeċ” u “swat”, Luqa ried jheżżeż ftit dawn it-talin ħa jistenbħu u jirrejalizzaw li, jekk iġibu ruħhom hekk, se jaqtgħu lilhom infushom minn dil-“merħla ċkejkna.”

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form