Meta Pixel Code

25 August 2025

Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar. Studju Bibbliku Lq 14:1,7-14 - It-22 Ħadd, Sena “Ċ”

 


Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ’il fuq’. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Ġesu’ qatt ma kien jirrifjuta stedina għal xi ikla għax, madwar mejda, wieħed jagħmel ħbieb ġodda, jisma’ u jiġi mismugħ.  Dak iż-żmien kellhom ċerti regoli ta’ mġieba,eżempju:

(i) attent biex fejn wieħed jitfa’ l-ħarsa tiegħu, int ma tmiddx idejk; 

(ii) ara l-bżonnijiet tal-oħrajn; 

(iii) tikolx bil-ħatfa għax iddejjak lil ta’ ħdejk.   

(iv) Is-sid kellu joqgħod attent fejn ipoġġi l-mistednin: eż il-Fariżej  mhux ħdejn il-midinbin.

“Ġesu’ daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej.”  Kien is-Sibt, u dan il-kap kien soltu li, wara l-laqgħa fis-sinagoga, jistieden lill-familtu u xi ħbieb, fosthom ukoll lir-Rabbi biex, waqt l-ikla, jkomplu jiddiskutu fuq is-silta Biblika ta’ dak is-Sibt. Ġesu’  qagħad bil-qiegħda mal-mejda ħdejn is-sid.  Fuq kull naħa tas-sid, kont issib nies ta’ pożizzjoni għolja jew is-sinjuri.  Aktar ma titbiegħed mis-sid, aktar kont issib ħaddiema komuni.

“Qagħdu għajnejhom fuqu..” għax il-Fariżej kienu jafu li Ġesu’ ma kienx jaqbel mal-użanzi tagħhom u r-riti dwar l-ikel, il-ħasil tal-idejn u l-osservanza stretta tas-Sibt.  Kienu lesti biex jagħlqulu ħalqu b’xi kwotazzjoni mill-Iskrittura hekk kif jgħid xi ħaġa f’dan ir-rigward.

Luqa juża din l-ikla (pranzu kbir) bħala immaġini ta’ Ikla oħra li Ġesu’ se jitkellem fuqha.  Għal din l-Ikla, il-mistednin, membri tal-Komunita’ Nisranija, jiħtieġ li josservaw regoli ferm differenti minn dawk li titlob l-ikla li ħejja l-Fariżew.

“Meta tkun mistieden,  tmurx toqgħod fl-ewwel post.”  Il-kelma użata għall-“mistednin” tfisser “imsejħin.” Ġesu’ se jgħid kif dawn l-imsejħin għandhom iġibu ruħhom fil-komunita’.  

Waqt l-ikla tal-Fariżew, il-postijiet kienu jkunu assenjati minn qabel, u ħadd ma kien jissogra jieħu post ħaddieħor.  Mela, meta Luqa jgħid li Ġesu’ nnota li bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem, qed jirreferi għall-Insara ta’ żmienu u tal-lum fejn insibu ftit mhux ħażin minnhom li moħħhom biex jilħqu xi grad ta’ unur. Dan biex kulħadd jagħmel kif jgħidu huma u dejjem jiġu servuti f’kollox u qabel l-oħrajn.  

Kull tant, biex jilħqu dan il-għan, jaslu anki biex iqarrqu, jigbdu jew jiffurmaw klikek li jappoġġjawhom. L-Insara kollha huma bnedmin tad-demm u l-laħam u jħossu din il-kilba għall-poter qisha xi “bżonn.”  Min ma jikkumbattix din il-kilba jispiċċa biex iġib ruħu ta’ pagan, forsi bla ma jinduna, għax joqgħod jgħid lilu nnifsu:  “U jien mgħammed; mela kulma nagħmel kollu sewwa.” 

Din l-imġieba narawha ġo familja Nisrani fejn ħadd ma jaħsel il-platti jekk ma jkunx imissu.  Il-bqija, aktar ifittex li jiġi servut milli jservi.  Fil-Komunita’ Nisranija wkoll: kemm naqilgħu inkwiet fuq min għandu l-preċedenza f’xi ċerimonja jew purċissjoni!  Dan jiġri mhux biss fuq livell għoli imma anki fejn volontarju jkun irid jiddomina il-biċċa xogħol żgħira tiegħu (ħasil, arranġament ta’ fjuri, eċċ)  u ma jħalli ‘l ħadd jindaħallu.  Fuq dan Ġesu’ jgħidilna:

“Meta wieħed jistiednek għall-festa tat-tieġ..” Mela jekk int mistieden mhux int is-sid, u trid toqgħod fejn jixtieq hu.  Jekk minn jeddek tieħu post ħaddieħor aqwa minnek, se tispiċċa b’regħxa ta’ mistħija (il-kelma proprja tfisser “telfa”) ċċedi dal-post u tmur fl-aħħar.

Jaqbillek, mela, tmur fl-aħħar mill-ewwel biex imbagħad, is-sid ikun jista’ jgħidlek: “Ħabib, int jixraqlek titla’ aktar ‘il fuq.”  Dan ikun aktar ta’ ġieħ għalik quddiem l-oħrajn. 

Fil-passat kien hemm spiritwalita’ li tissuġġerixxi biex tiddisprezza lilek innifsek u tqis ruħek m’int tajjeb għal xejn; tkun miżerabbli u tqis lil kulħadd aħjar minnek, anki fejn dan ma jkunx minnu.  Din kienet twassal biex wieħed jiċħad it-talenti li tah Alla u ma jużahomx għall-ġid tal-proxxmu.  Mela din ma kinitx umilta’ ġenwina. 

Formazzjoni Nisranija tajba għandha twassal biex wieħed iqis ruħu qaddej, attent għall-ħtiġijiet tal-proxxmu.  Umilta’ ġenwina hi dik fejn tkun konxju tal-kwalitajiet sbieħ u t-talenti li tak Alla  u tqiegħdhom għad-dispożizzjoni tal-oħrajn, dejjem tistenna ordnijiet minn għand kulħadd.  

L-aħħar post hu l-post it-tajjeb għax huwa l-post tal-qaddej, ta’ Ġesu’, ta’ Alla.  Meta nkun f’dan il-post għandu jiġi s-Sid biex jgħidli: “Ħabib, int qed tagħmel parti mill-proġetti tiegħi, mela itla’ f’post aktar ‘il fuq.”  (Naħseb m’hawnx kelma isbaħ minn din: Ħabib!).  

Dan hu l-kobor ġenwin li għandna nfitxxu: “Min jiċċekken, jitkabbar.”  Xi wħud jaħsbu li min hu qaddej mhuwiex ħieles imma mjassar.  Imma fil-fatt, il-bniedem ħieles verament hu dak li minn jeddu jagħżel li jagħmel dak li ġie maħluq għalih: iħobb.  Hekk juri l-identita’ vera tiegħu.  Min ma jagħmilx hekk, ifisser li qed jimxi skont l-istinti tiegħu u qed jaħli ħajtu fix-xejn.

“Meta tagħti pranzu tistedinx ‘il-ħbiebek, qrabatek jew sinjuri…” Għadna nsibu Fariżej illum, li jagħmlu bħall-Fariżew tas-silta: “Jekk jidħol wieħed biċ-ċrieket tad-deheb …. u tgħidulu  ‘int oqgħod komdu bil-qiegħda’,  u jidħol fqir imċerċer u tgħidulu: ‘int oqgħod fuq il-mirfes ta’ riġlejja’….  tkunu qed tagħmlu għażla qarrieqa” (Ġakbu 2, 1-2). 

Jagħmel hekk min jistenna li jpattulu lura l-favur.  Il-Fariżej kellhom ċirku strett ta’ mistednin ġusti u puri. Illum Ġesu’ qed jgħid li wasal iż-żmien li nibdlu dawn ir-regoli ta’ stedin: il-pranzu ta’ servizz  b’xejn, bla obbligu, bla stennija ta’ tpattija bi stedina reċiproka, u mogħti lil min l-aktar qiegħed fil-bżonn.  Dawn żgur ma jkollhomx minn fejn ipattulek lura. 

Fil-pranzu tal-Komunita’ ma nistgħux infittxu l-interessi personali imma  tal-oħrajn, anki tal-għedewwa. “Għandek tistieden nies: 

(i) foqra: jien sinjur f’xi ħwejjeġ u fqir f’oħrajn.  Meta naqsam ġidi mal-foqra jien niftaqar u se nsib min jieħu ħsiebi biex nistagħna fil-ħwejjeġ li l-aktar ikolli bżonn; 

(ii) magħtubin:  anki jien ġieli nagħti pass ‘il quddiem imma nsib x’jimblukkani u naqa’ lura.  Il-magħtub irid għanjuna biex iqum fuq riġlejh mhux biss fiżikament; 

(iii) għomja: dawn ma jarawx u jiżbaljaw it-triq; 

(iv) zopop: dawn ma kinux jitħallew jidħlu fit-Tempju.  Fil-Komunita’ l-ġdida għandhom dritt jidħlu.

“Hieni int.  Bravu.  Int għaraft il-veru ħajja, għax dawn m’għandhomx minn fejn iroddulek, imma jintraddlek fil-qawmien tal-ġusti għall-ħajja.  Ħafna se jgħajruk ġifa u tellief  meta taqdi l-proxxmu b’ġenerożita’ kbira.  Imma jien qed ngħidlek ‘Hieni int’, għax b’hekk int sirt tixbaħ lill-Missieri, u qed tagħmel esperjenza tal-ferħ t’Alla li hi din: tara lill-proxxmu dejjem ferħan.”

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form