F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.
Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Id-dixxipli jistiednu ‘l Ġesu jammira t-tempju. Għalihom kien ifisser stabbilta, għax Israel kellu miegħu lil Alla. Kien itihom sens ta’ sigurta’ għax din kienet ir-reliġjon tagħhom u ma kellu jinbidel xejn mir-relazzjoni li kellhom m’Alla, u l-mod kif jagħmlu ċ-ċerimonji. Basta wieħed josserva t-Torah (il-ktieb tal-liġi).
Għalhekk Ġerusalem u t-Tempju ma kinux se jiġġarrfu għax kien hemm Alla jgħammar hemm. Ġesu jħabbar il-waqgħa tat-Tempju, it-tmiem tad-dinja antika u l-bidu ta’ dinja ġdida.
F’dan il-Ħadd il-Knisja tfakkarna fil-miġja ta’ Kristu u t-tnedija tal-era l-ġdida. Il-Lhud ma kinux attenti, weħlu fid-dinja antika, u ma aċċettawx lil Ġesu u s-Saltna ġdida tiegħu. X’inhu r-riżultat ta’ dawn u ta’ min jagħmel bħalhom? Rovina.
Jekk ma niftħux qalbna u moħħna għas-saltna ta’ Kristu, hemm rovina lesta għalina. Mela mportanti li nilqgħu l-messaġġ tal-Vanġelu tal-lum fejn Ġesu joffrilna 3 tliet eżempji:
Danjel (kap 7) iħabbar li kellu jiġi Bin il-Bniedem li jbiddel iż-żmien fejn il-bnedmin kienu qed jgħixu bħal annimali selvaġġi, fi żmien ta’ renju awtentiku, aktar uman u ħanin. Il-Parousia kienet viżta ta’ xi re f’pajjiż biex jagħmel l-affarijiet aħjar u jaqdi l-ħtiġijiet tan-nies tal-post: jirranġalhom it-toroq, it-tempji, eċċ.
Ġesu jħabbar li l-Parousia tiegħu kienet waslet fil-qrib, i.e. se titwettaq it-tħabbira ta’ Danjel. Għalhekk isemmi ż-żmien ta’ Noe fejn in-nies kienu jġibu ruħhom agħar minn bhejjem selvaġġi bi ħruxija u vjolenza kbira.
Kien hemm bżonn li dinja bħal din tar-renju l-antik tispiċċa biex tibda oħra aktar umana. Għalhekk il-Ġenesi jissellef fatt mill-pjanura tal-Mesopatamja li spiss kienet tegħreq meta x-xmajjar Tigris u Euphrates kienu jfuru b’xita qawwija.
Ma jfissirx li Alla veru għarraq lin-nies, imma qed iwasslilhom messaġġ li ma jaċċettax din l-imġieba. Mela jridu jaqbdu din l-imġieba ħażina, jgħarrquha u jwaddbuha ‘l barra minnhom, ħa jagħmlu post għal imġieba li togħġob ‘l Alla. Alla qatt mhu se jiżvoga r-rabja tiegħu fuq il-bniedem.
Mela permezz tal-awtur tal-Ġenesi, ikompli jgħid lill-bniedem kliem li jgħodd ukoll għal-bniedem tal-lum: “Jekk tibqa’ tgħix ħajja kattiva, se tintilef. Oqogħd attent. Ma tistgħax tgħix il-ħajja bijoloġika biss – tiekol, torqod, tiżżewweġ, eċċ. Jekk tagħmel hekk biss mhu se jiswielek xejn. Trid ukoll tiftaħ qalbek għall-ordni l-ġdid li nieżel mis-sema. Trid tgħix ħajja aktar umana, tieħu ħsieb il-proxxmu, hu min hu. Il-Kelma t’Alla tagħti sens lill-ħajja anki dik bijoloġika, li hija mportanti wkoll, imma mhux waħedha biss.
Ġesu jsemmi l-familja ta’ Noe li kienu jgħixu ħajja differenti. Għalhekk jidħlu fl-arka biex jipproteġu ruħhom mill-influwenza tad-dinja l-antika. Kienu attenti għall-Kelma t’Alla u qalbhom kienet ħebrithom li se jqum ordni ġdid u għalhekk kienu qed jippreparaw ruħhom biex jaċċettawh, għax kien ġej minn Alla.
Kemm hawn nies illum li qed jgħixu ħajja materjali biss? Mhux qed ngħidu li dawn (u n-nies ta’ żmien Noe) se jmorru l-infern u l-oħrajn se jmorru l-Ġenna. Le. Qed ngħidu li dawn se jgħixu ħajja bla sens, fil-waqt li l-oħrajn se jgħixuha minn issa fil-milja kollha tagħha. Li tikkuntenta lilek innifsek billi jkollok saħħtek, tgħix fit-tul, bla problemi ta’ flus, hi ħaġa tajba. Imma dawn mhumiex l-aktar ħwejjeġ importanti u mhumiex kollox. Jonqsok lil Alla u l-Kelma tiegħu biex jagħtu sens għall-bqija tal-ħwejjeġ l-oħra.
Noe u l-familja tiegħu kienu puri, għax min dejjem joqgħod attent għall-ħwejjeġ t’Alla, huwa pur. L-Avvent jistieden anki lilna biex nishru (i.e. noqogħdu attenti) u b’hekk nippreparaw ruħna sewwa għall-miġja ta’ Ġesu.
Ix-xogħol u l-karriera nistgħu nħarsu lejhom jew bħala assolut jew bħala doni mogħtija lilna minn Alla u li jiffurmaw parti mill-pjan Divin tiegħu. Tal-ewwel jista’ jkissrilna ħajjitna (e.g. workoholic) u tista’ twassalna għall-idolatrija: ix-xogħol jew karriera isiru alla għalina. E.g. sid jista’ jmexxi ħanut billi jisraq u jinganna kemm jiflaħ; jew jista’ jimxi skond il-prinċipji tal-Evanġelu u jgħin fejn jista’ lil min hu batut. Wieħed jista’ juża l-karriera biex jirfes fuq l-oħrajn biex jilħaq kemm jista’ ‘l fuq; jew jista’ jeħodha bħala vokazzjoni biex l-ewwel ifittex il-ġid tal-oħrajn.
“Wieħed jittieħed (għax tad-dinja l-ġdida) u l-ieħor jitħalla” fid-dinja l-antika. Ikompli Ġesu: “Mela attenti għall-bidu ta’ din is-saltna ġdida, għax se tasal bla ma tkunu qed tistennewha, bħall-ħalliel.” Mhux Alla huwa l-ħalliel li se joħdilna l-ġid materjali tagħna jew il-karriera, iżda ħalliel hu dak li l-ġid materjali u l-istess ħajja tiegħu ma jużahomx skond il-prinċipji tal-Vanġelu u għall-akbar glorja t’Alla.
