Meta Pixel Code

11 May 2026

Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art - Tlugħ tal-Mulej fis-Sema - Studju Bibbliku Mt 28, 16-20




F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien”.




Dis-silta tagħlaq l-Evanġelju ta’ San Mattew, fejn rajna l-ħajja ta’ Ġesu fuq din l-art, it-twelid f’Betlem, it-trobbija f’Nazareth, u l-ħidma f’Kafarnaum u Ġerusalemm.  B’ebda mod m’għandna nqisu dis-silta bħala t-tmiem tal-ħidma ta’ Ġesu fuq din l-art. Pjuttost hija bidu. 

Ġesu se jidħol fid-dar tal-Missier u jħalli l-Missjoni tiegħu f’idejn l-Appostli.  Ordnalhom biex jinġabru fil-Galilija, fuq il-muntanja tal-Beatitudni.  Muntanja tal-ġebel imma wkoll waħda li tirrappreżenta l-post fejn il-bnedmin setgħu jaċċettaw u jassimilaw il-ħsibijiet t’Alla.  Kien il-post fejn wieħed seta’ jara l-Baħar tal-Galilija u Kafarnaum, fejn Ġesu żvolġa ħafna mill-ministeru tiegħu. Kien hawn li Ġesu sejjaħ l-ewwel Appostli.  Illum, mill-istess post, se jagħti l-mandat lill-Ħdax biex jibdew il-Knisja Tiegħu, il-Komunita’ Ġdida: ħdax għax jonqos wieħed, l-anti-dixxiplu, dak, u kull min hu bħalu, li ma telgħax dil-muntanja biex iħaddan il-Beatitudni, u b’hekk ma setgħax jagħmel esperjenza tal-Qawmien.

Min jagħmel hekk ikun qed jagħżel id-dinja l-antika: poter, regħba, vjolenza.  Minn flok, Ġesu jagħti bidu għas-Saltna Tiegħu b’dawn il-ħdax l-Appostli, imbeżżgħin, fraġli, mimlija dubji u nċertezzi. Dawn kienu persuni li ħarbu mill-ġnien taż-żebbuġ u ħallew lil Ġesu waħdu. Għamlu żbalji oħra.  Il-kap tagħhom ċaħdu wkoll.  Minkejja did-dgħufija kollha, qallhom  biex jinġabru hawn illum.

“Kif rawh inxteħtu quddiemu.”  Il-verb “rawh” hawn ifisser aktar milli tara bl-għajnejn materjali. Dawn huma persuni li laqgħu il-Beatitudni, allura għarfu ‘l Ġesu u l-missjoni tiegħu, dik li jagħti ħajtu għalina.  Aħna wkoll għandna bżonn nitilgħu fuq dil-muntanja, naċċettaw u nwettqu l-Beatitudni, biex ukoll aħna “naraw” li s-sejħa tagħna hija li l-ħajja se tkun mimlija meta ngħixu m’Alla u f’Alla. 

“Inxteħtu quddiemu”, jew adurawh, għarfu l-preżenza t’Alla f’Ġesu, il-wiċċ t’Alla stampat f’wiċċ Ġesu: dan hu Alla li jagħti lilu nnifsu, mhux xi alla tal-filosfi jew poeti. 

“Xi wħud iddubitaw.”  Fejn tidħol il-Fidi, ez. fil-Qawmien, m’għandniex provi jew ċertezzi imma raġunar.  Mela normali li jkollna d-dubji. 

Ġesu ma jibżax mid-dubji tagħna għax jaf li aħna umani. In fatti lid-dixxipli ma ċanfarhomx.  Mill-banda l-oħra, kieku jkollna l-provi konkreti,  ma jkollniex bżonn il-Fidi.  Mela meta jkollna d-dubji għandna naċċettawhom bil-kalma. 

Aktarx il-bidu tad-dubji hu l-ewwel Beatitudni: “Henjin il-fqar fl-ispirtu”Xi wħud jirrispondu: “Kif, Mulej?  Irrid nirrinunċja għal kollox? Nagħti kollox lill-fqar?”  Dan ir-raġunar inibbet id-dubji fina.  Ġesu jaf b’dan, u jagħtina l-għajnuna u l-qawwa biex nifhmu sew dil-proposta tiegħu li tfisser: Henjin dawk li jghazlu li jghixu fis-semplicita kif qed jipproponi Gesu’ permezz tal-evengelju. Li bil-mod kif qed jipproponi Gesu biex nghixu, ghandu jwassalna li ma jkun jonqosna xejn ! Fid-Dinja hawn bizzejjed ghal-kulhadd biex jghix b’mod dinjituz. Fqar mil-egoizmu u l-kilba u sinjuri fl-imhabba u fl-altruizmu. Hieni min jilqa dan l-istess messagg.

Dment li nibqgħu fuq il-livell tal-Muntanja, jirnexxielna nilqgħu dil-proposta bid-dubji li ġġib magħha.  Jekk nitbiegħdu mill-Muntanja, nibdew infittxu provi konkreti, umani, xjentifiċi.  Il-Fidi rridu nmantnuha l-ħin kollu bil-Kelma t’Alla, inkella tiddgħajjef.

“Ġesu resaq lejhom”. Ġesu tielgħa s-Sema.  Ma jfissirx li se jitlaq (“Jien nibqa’ magħkom għal dejjem”).   L-Irxoxt jersaq lejn id-dixxipli, u se jibqa’ qrib tagħhom, għax lil dawn se jafdalhom il-missjoni tiegħu. 

“Kull qawwa ngħatat lili..” Mhux dik li biha ttentah ix-xitan fid-deżert, qawwa li tiddomina bil-forza.  Imma l-qawwa t’Alla, tal-imħabba, dik li tagħti ħajtek għall-oħrajn.  Ġesu għandu dil-qawwa fil-milja kollha tagħha.  Issa se jgħaddiha lid-dixxipli.

“Morru, mela….”  Morru, ibdew, għamlu lil kulħadd dixxipli, ħajruhom jaċċettaw il-proposti tal-Beatitudni.  Kulħadd, i.e. il-ġnus kollha.  Għall-Lhud din kienet idea ġdida.  Huma biss kienu l-poplu t’Alla, huma biss kienu se jsalvaw.   Imma l-pjan t’Alla kien li huma jikkonvertu ġnus oħra, mhux iżommu s-salvazzjoni għalihom biss.

“Għammduhom…”  “Battizzare” propjament tfisser “immersjoni”, tniżżel taħt l-ilma. Mela l-ewwel dixxipli, u aħna l-Insara (id-dixxipli tal-lum), għandna l-obbligu li nħajru kull bniedem, ta’ kwalunkwe  razza, biex “jegħreq” fil-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri, bis-simbolu tal-ilma mraxxax fuq rasu jew imdawwar ma’ ġismu kollu, hu jidħol jagħmel parti mill-ħajja Divina, il-ħajja tat-Trinita’.

“…. kulma għallimtkom jien…” fuq kollox il-Beatitudni.

“Jien magħkom dejjem”.  Ġesu m’huwiex “hemm fuq” imma qiegħed magħna u qed jakkumpanjana f’kull pass li nagħmlu.  Il-missjoni tal-Knisja llum hi li żżomm preżenti lil Kristu f’ħajjitna.  U aħna mbagħad irridu nkunu xhieda ta’ Kristu Rxoxt.


Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form