“Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.”
Sentenza sempliċi ħafna, imma fiha hemm messaġġ kbir għalina lkoll. Għax Ġesù mhux qed jitkellem biss fuq bidwi, żerriegħa u art.
Qed jitkellem fuq il-qalb tagħna.
Qed jitkellem fuq il-mod ta' kif nisimgħu il-Kelma t’Alla.
Qed jitkellem fuq dak li jiġri fina meta Alla jipprova jkellimna.
U tajjeb nistaqsu: Jiena qed nisma’ tassew, jew qed nisma’ imma nibqa’ l-istess?
Ġesù Joħroġ Mid-Dar
Il-Vanġelu jgħidilna li Ġesù ħareġ mid-dar u mar ħdejn il-baħar.
Dan mhux dettall żgħir. Ġesù joħroġ biex jilħaq lin-nies fejn qegħdin.
Ma jistenniex li kulħadd jiġi perfett għandu. Joħroġ u jersaq lejn il-folla.
Joħroġ biex jersaq lejn min hu għajjien, imur fejn min għandu mistoqsijiet. Ifittex biex isib lil min forsi ilu ma jisma’ kelma tajba.
U hemm, ħdejn il-baħar, jibda jgħallem.
Il-folol kienu kbar. Kien hemm għatx.Għatx għal kelma ta' vera.
Għatx għal tama. Għatx għal ħelsien.
U llum mhux l-istess ukoll ?
Hawn ħafna nies li minn barra jidhru għaddejjin tajjeb. Imma minn ġewwa huma għatxana. Għatxana għal paċi. Għatxana għal direzzjoni.
Għatxana għal xi ħadd jgħidilhom: “Ħajtek għadha tista’ tagħmel frott.”
Il-Kelma Tinżera’
Ġesù jgħid: “Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.” Il-bidwi hu Alla.
Iż-żerriegħa hi l-Kelma tiegħu, u l-art hi qalbna.
U l-mistoqsija mhijiex jekk Alla hux qed jitkellem, għax Alla għadu jitkellem permezz tal-Evanġelu, waqt il-quddiesa.
Jitkellem permezz ta’ persuna li tagħtina parir tajjeb.
Jitkellem fil-kuxjenza tagħna. Jitkellem anke fis-skiet.
Il-mistoqsija hi: X’tip ta’ art qed isib fija?
Il-Mogħdija
Xi żerriegħa waqgħet mal-mogħdija.
Il-mogħdija hi art iebsa, il-parti li minnha jgħaddi kulħadd.
Kulħadd jgħaffeġ fuqha u għax l-art tkun iebsa, iż-żerriegħa ma tidħolx.
Xi drabi qalbna ssir hekk. Tibbies.
Mhux għax aħna nies ħżiena, imma għax għaddew minn fuqna ħafna affarijiet bħal diżappunti, kliem li weġġagħna, esperjenzi diffiċli, nuqqas ta’ fiduċja etċ.
U bil-mod il-mod nibdew ngħidu: “Jien issa hekk.” jew “Ma nistax ninbidel.”
“Il-ħajja hekk hi.” jew “Kulħadd jagħmel hekk.”
Imma tajjeb noqogħdu attenti, li mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħna huwa verità.
Il-ħsieb li “ma nistax ninbidel” mhux bilfors verità.
Il-ħsieb li “Alla qata’ qalbu minni” mhux il-kelma ta’ Ġesù.
Il-ħsieb li “il-fidi m’għadhiex tgħodd għal-lum” mhux bilfors verità.
Xi drabi l-qalb tkun iebsa mhux għax ma tridx lil Alla, imma għax tibża’ terġa’ tittama.
U Ġesù llum jgħidlek: “Ħallini nidħol ftit aktar fil-fond.”
Il-Blat
Oħrajn waqgħu f’art kollha blat. Dawn nibtu malajr.
Kien hemm entużjażmu, kien hemm ferħ, imma ma kellhomx għeruq u meta telgħet ix-xemx, nixfu.
Dan jiġri fina wkoll. Nisimgħu kelma sabiħa li tolqotna u nħossuna mqanqlin, u forsi ngħidu: “Minn illum ser nibda mill-ġdid.”
Imma mbagħad tiġi l-prova, jiġi xi ħadd jikkritikana, jiġi żmien diffiċli fil-familja. Jiġi mument fejn irridu nagħżlu bejn dak li hu komdu u dak li hu tajjeb, u jekk il-fidi tagħna tkun biss emozzjoni, malajr tinxef.
Il-fidi ma tistax tkun mibnija biss fuq il-ħass, bħal meta nħossuna tajjeb.
L-għeruq tal-fidi jikbru meta nibqgħu fidili lejn il-kelma ta' Ġesu anke meta ma nħossu xejn.
Eżempju, permezz ta' talba ċkejkna, jew xorta mmur nisma' l-quddies minkejja li forsi ma jkollix aptit. Meta nagħtu kelma tajjba lil xiħadd jew meta naħfru, filwaqt li qalbna tkun imweġġgħa.
Dawn huma l-għeruq.
Ix-Xewk
Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk. U x-xewk kiber magħhom u ħanaqhom.
Ġesù jgħid li dan hu l-inkwiet żejjed tal-ħajja u l-ġibda għall-ġid materjali. U hawn irridu nkunu onesti.
Ħafna minna m’aħniex qed niċħdu lil Alla b’mod b'mod dirett, imma qed niġu maħnuqa.
Maħnuqa mill-ħajja mgħaġġla, ħinijiet twal fuq ix-xogħol, bil-mobile.
Maħnuqin bil-paraguni, bil-biża’ għall-futur, bil-ħsieb li rridu nkunu dejjem naqilgħu il-flus. Ninsabu fgati bil-ħsieb li jekk ma jkollniex aktar, m’aħniex biżżejjed.
U bil-mod il-mod, il-Kelma ta’ Alla tibqa’ hemm, uma tagħmilx frott.
Mhux għax tilfet il-qawwa tagħha, imma għax ma nagħtuhiex spazju.
Tajjeb nistaqsi:
X’qed joħnoqni bħalissa?
X’qed jieħu l-ewwel post f’qalbi?
X’qed inpoġġi fiċ-ċentru ta' ħajjti bla ma ninduna?
Għax mhux kull xewka tidher ħażina mill-ewwel. Xi drabi x-xewk jiġi moħbi f’affarijiet tajbin.
Huwa sewwa li jkollok xogħol tajjeb u huwa tajjeb li tkun risponsabbli.
Ma tgħamilx ħażinli tippjana u taspira għal futur aħjar.
Imma meta dawn jieħdu post Alla, dawn l-affarijiet jibdew joħonqunau jifgwna.
Art Tajba
Imbagħad hemm iż-żerriegħa li taqa’ f’art tajba. U tagħmel il-frott.
Min tletin, min sittin u min mija.
Art tajba ma tfissirx qalb perfetta. Ma tfissirx persuna bla problemi.
Ma tfissirx familja fejn kollox jimxi tajjeb.
Art tajba tfisser qalb li tisma’. Qalb li tħalli lil Alla jaħdimha.
Qalb li tgħid: “Mulej, hemm il-ġebel fija, imma neħħih.”
“Hemm ix-xewk fija, imma aqilgħu.”
“Hemm il-biża’ fija, imma fejjaqni.”
“Hemm l-ebusija fija, imma rattabli qalbi.”
Alla ma jfittixx art perfetta, imma jfittex qalb disponibbli.
Iżra’ Xorta Waħda
Din il-parabbola mhijiex biss dwar kif nisimgħu. Hi wkoll dwar kif ma naqtgħux qalbna.
Il-bidwi joħroġ jiżra’, anke jekk jaf li mhux kull żerriegħa se tagħmel frott mill-ewwel.
U din hi kelma importanti għalina llum.
Forsi hemm ġenituri li qed jgħidu: “Jien ngħid lil uliedi, imma ma jisimgħunix.”
Forsi hemm min jitlob għal xi ħadd fil-familja u jidher li xejn mhu jinbidel.
Forsi hemm min jgħid:“Il-fidi fil-familja tagħna qed tmut.” jew “Il-Knisja m’għadhiex tinteressa lin-nies.” “In-nies m’għadhomx iridu jisimgħu.”
Imma Ġesù jgħidilna:
Iżra’ xorta waħda.
Iżra’ b’kelma tajba.
Iżra’ b’eżempju.
Iżra’ bit-talb.
Iżra’ bil-paċenzja.
Iżra’ bil-maħfra.
Iżra’ billi tibqa’ tħobb mingħajr ma titlef ħarstek minn fuq Ġesu'.
Xi żerriegħa ma narawhiex tikber mill-ewwel, imma dan ma jfissirx li mietet.
Kelma li persuna tisma’ llum u jaf ikollha bżonnha snin wara.
Hemm eżempji li t-tfal jaraw illum u japprezzawhom meta jikbru.
Hemm talb li jidher moħbi, imma jkun qed iwitti l-art.
Il-bidwi jaf jistenna, u aħna wkoll irridu nitgħallmu nistennew.
Nistaqsi Lili Nnifsi
X’tip ta’ art qed issib fija l-Kelma ta’ Alla?
Hemm xi parti minn qalbi li saret iebsa?
Hemm entużjażmu fija imma ftit għeruq?
X’inhuma x-xewk li bħalissa qed joħonquli l-paċi u l-fidi?
Qed nagħti spazju lill-Kelma ta’ Alla, jew qed ngħix dejjem bil-għaġġla?
Fejn qed isejjaħli Alla biex niżra’ b’aktar paċenzja?
Talba
Mulej Ġesù, illum niġi quddiemek kif jien.
Int taf l-art ta’ qalbi, u taf fejn ibbies.
Taf fejn m’għandix għeruq u taf x’inhu joħnoqni.
Għinni nisma’ l-Kelma tiegħek b’qalb miftuħa.
Neħħi minni dak li qed iżommni milli nagħmel frott.
Agħtini paċenzja biex inkompli niżra’ t-tajjeb fil-familja tiegħi, fil-komunità u fil-ħajja ta’ kuljum.
Agħmel minn qalbi art tajba.
U agħmel minn ħajti frott ta’ mħabba, tama u fedeltà.
Ammen.
.jpg)