F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
Ġesu’ jkompli bid-diskors tiegħu fl-Aħħar Ċena. Ġwanni jpoġġi xi mistoqsijiet f’fomm id-dixxipli. Ħafna minna żgur li xi drabi saqsejnihom lill-Mulej.
Pietru jistaqsi: “Fejn sejjer, Mulej? Għax ma nistax niġi miegħek issa?” (Ġw 13, 36-37).
Tumas: “Mulej, aħna ma nafux fejn sejjer, kif nistgħu nkunu nafu t-triq?” (14, 5).
Filippu: “Mulej, urina l-Missier u jkun biżżejjed għalina” (14, 8).
Ġesu’ jwieġeb: “Min ra lili ra l-Missieri,” i.e. min jikkuntempla l-wiċċ ta’ Kristu, jasal biex jagħraf lill-Missier.
“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti.” Dal-verb ‘tħobb’ insibuh erba’ darbiet f’dis-silta. Bil-Grieg, agapann (agape) rari nsibuh fil-letteratura klassika, għax dil-kelma tfisser “tħobb bla kundizzjonijiet,” jiġifieri kif iħobb Ġesu’. Hawn insibu l-unika darba fejn Ġesu’ jitlob li nħobbuh.
Mhux qed jitlob imħabba egoista fejn jien inħobb dment li naqla’ l-favuri: jekk ma naqlax, ma nħobbx. Għal kuntrarju Ġesu’ jixtieq li jien norbot ħajti ma’ tiegħu, kif twiegħed għarusa lill-għarus nhar it-tieġ. Minn dak il-jum ‘il quddiem, jgħixu f’sintonija perfetta flimkien. Din l-imħabba nuruha bil-fatti: nisqu l-għatxana, nitimgħu il-foqra, naħfru, eċċ. u jkun jistħoqqilna dal-kliem: “Jien inħobbu u nurih lili nnifsi” (14, 21).
Ġuda, mhux l-Iskarjota, ikkummenta għal dal-kliem: “Kif se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?” Aktarx ried li Ġesu’ jsir popolari ħafna. Ġesu’ wieġbu: “Jien nuri ruħi lil min ikollu relazzjoni ta’ mħabba ġeneruża miegħi.” Bil-kelma ‘dinja’ Ġwanni jifhem dawk li jgħixu l-oppost tat-tagħlim ta’ Ġesu’. “Min iħares kelmti, Missieri jħobbu,” għax min ikun f’sintonija ma’ Ġesu’, jagħmel l-istess mal-Missier, għax Alla huwa mħabba.
Mhux biss, imma “aħna niġu u ngħammru għandu.” Ġieli smajt li jien Tempju tat-Trinita’ Qaddisa. Dan ma jfissirx li jien xi kaxxa jew urna fejn inpoġġi t-Trinita’ u daqshekk, imma jfisser li kull laqgħa li jkolli m’Alla tħalli sinjali ċari tal-preżenza tal-Ispirtu t’Alla fija. Meta nħallu lid-Divin jidħol fina u jesprimi ruħu, dan tant ikun evidenti li jkun jista’ jarah kulħadd mill-mod kif nitkellmu u nġibu ruħna. L-aġir tagħna jkun differenti minn ta’ dawk li jimxu fuq il-kriterji tad-dinja. Ġesu’ wegħidna li dejjem se jkun magħna. Hu preżenti fil-komunita’ qabel u wara l-Quddiesa, preżenti fl-Ewkaristija, fil-fqir, “fejn tnejn jew tlieta…..” Ġwanni llum qed jagħmel enfasi li Ġesu’ hu preżenti f’kull dixxiplu, għax il-mixja tiegħu, it-tbissima, kliemu, ħsibijietu u l-imġieba tal-appostlu huma kollha bħal ta’ Ġesu’.
“Se nibagħtilkom Difensur, Konsolatur.” Paraklitu tfisser “dak li joqgħod viċin tiegħek.” Għamel hekk Ġesu’ mad-dixxipli tiegħu, imma issa li sejjer, biex ma jħallihomx orfni, se jibagħtilhom Paraklitu ieħor.
Dan mhux isem ieħor għall-Ispirtu s-Santu imma jiddeskrivi r-rwol li jaqdi., dak li jkun dejjem preżenti f’ħajjitna.
Meta żmien ilu kulħadd kien prattikanti, dil-preżenza kont tħossha bħala ħaġa naturali. Illum, in-Nisrani ġenwin irid jagħmel sforz biex ikun konxju ta’ dil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Jekk le, nistgħu nħossuna waħedna, l-aktar meta naqdfu kontra l-kurrent jew insibu min jidħak bina meta nistqarru safa qabel iż-żwieġ, fedelta’ fiż-żwieġ, maħfra tal-għedewwa, eċċ.
F’dawn il-mumenti, meta nisimgħu fina vuċi li tgħidilna: “Tagħtix kashom lil dawk: huma qegħdin fl-iżball. Int qiegħed fit-triq it-tajba. Kompli hekk”: din tkun il-vuċi tal-Ispirtu s-Santu, li qiegħed il-ħin kollu qrib tagħna. Jiħtieġ li nagħtu widen għal dil-vuċi tad-Difensur, li jiddefendina minn xi vuċi oħra li tħajjarna biex nagħmlu għażla ħażina, bħall: “La kulħadd qed jagħmel hekk, mela, biex ma jgħajrunix stramb u moħħi magħluq, ħa nagħmel bħalhom.”
Nisimgħu ħafna ilħna oħra kuljum (min jgħajjat l-iktar): (i) “Din id-dinja ġdida ta’ mħabba gratuwita li fassal Ġesu’ hi biss ħolma”; (ii) “L-infern ma jeżistix, mela gawdi kemm tiflaħ issa.” Il-vuċi li tgħidilna niċħdu għidut bħal dawn, u tfaħħarna għax qed inħallu lil Kristu jgħix ġo fina u f’ħajjitna, hi l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu.
“Hu jgħallimkom kollox.” Dan it-tagħlim mhuwiex xi tejorija li titgħallem bl-amment. Dat-taħriġ se joħroġ mill-qalb ġdida li ħadna meta lqajna l-proġett ta’ Kristu għal dinja ġdida ta’ mħabba, u b’hekk writna l-ħajja Divina. Dil-qawwa tixprunana biex inġibu ruħna ta’ ulied Alla, jiġifieri li nħobbu bla kundizzjoni. Bħal fjura li, biex tarmi l-fwieħa ma tistenniex xi kmand, imma tfuħ mill-istess natura tagħha. Bl-istess mod dan it-tagħlim joħroġ minna bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, u l-imħabba ma tibqax kmand imma ssir għalina ħaġa naturali.
“Hu jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.” Ġesu’ qal lid-dixxipli dak kollu li hu essenzjali. L-Ispirtu ma jżid xejn ma’ dan, imma l-ħin kollu jfakkarna xi tagħlima ta’ Ġesu’ l-aktar meta jkollna bżonnha. Faċli, imħabba x-xogħol u taħbit ieħor tal-ħajja, nittraskuraw it-talb, il-Quddies u l-qari tal-kelma t’Alla. Meta nagħmlu hekk, ninsew min aħna tassew, ninsew li aħna ulied Alla.
L-Ispirtu jżomm ħaj fina l-identita’ tagħna ta’ ulied Alla u jiġbdilna l-attenzjoni meta ma nġibux ruħna bħala tali.
“Inħallilkom is-sliem.” Il-paċi tad-dinja hija waqfa bejn żewġ gwerer. Ir-Rumani kienu jżommu l-paċi b’forza ħarxa u billi jirriduċu l-mirbuħin fi skjavi. Għal kuntrarju, il-paċi ta’ Kristu hi dik ta’ soċjeta’ alternattiva fejn m’hemm l-ebda barriera u skjavitu’, u fejn kull membru hu attent għall-bżonnijiet u l-ferħ tal-ieħor.
“Tħallux qalbkom titħawwad. Jien sejjer imma nerġa’ niġi għandkom b’eżistenza ġdida, għax ma nibqax bil-limitazzjonijiet li għandi issa bħala effett tal-inkarnazzjoni: limiti ta’ spazju u ħin, ġuħ, għatx, għeja, ngħas, eċċ. Wara li nirxoxta, ma jkollix aktar dawn il-limitazzjonijiet. Mela, issewdux qalbkom imma ifirħu.”
.png)