Meta Pixel Code

Showing posts sorted by relevance for query Ġw 3, 16-18. Sort by date Show all posts
Showing posts sorted by relevance for query Ġw 3, 16-18. Sort by date Show all posts

29 May 2026

Ġesù ma jiġix biex jikkundanna, imma biex isalvana : Riflessjonijiet minn Roderick Agius fuq Ġw 3:16-18



Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù jitkellem ma’ Nikodemu. Dan kien raġel reliġjuż, jaf il-Liġi, jaf it-tradizzjoni, jaf x’għandu jagħmel. Imma xorta waħda kellu mistoqsijiet kbar ġewwa qalbu. U naraw fatt kurjuż li mar għand Ġesù bil-lejl.

Forsi għax beża’ minn x’jgħidu n-nies.  Forsi għax ma riedx jidher.  Forsi għax ġewwa fih kien għadu fid-dlam.

U dan għalina jfisser ħafna, għax kultant aħna wkoll inkunu bħal Nikodemu. Minn barra nidhru sew, nitbissmu, immorru għax-xogħol, nieħdu ħsieb il-familja, nagħmlu li nistgħu. Imma minn ġewwa jkun hemm mistoqsijiet, biża’, ħtija, taħbit, jew sens li Alla forsi ddiżappuntat bina.

Ġesù jgħid kelma ċara: “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.”

Fi kliem ieħor: Alla ma ġiex biex ikissrek. Alla ma ġiex biex jgħaffġek bil-ħtija. Alla ma ġiex biex ifakkrek biss fl-iżbalji tiegħek. Alla ġie biex isalvak.


Meta Nħossuna ġġudikati

Ħafna nies illum jgħixu b’toqol kbir f'qalbhom. Eż: 

Ġenitur li jgħid: “Ma kontx preżenti biżżejjed ma’ wliedi.”  

Żagħżugħ li jgħid: “Għamilt ħafna żbalji u Alla żgur mhux kuntent bija.”  

Koppja li ilha targumenta u tgħid: “Aħna fallejna bħala familja.”  

Persuna li waqgħet f’vizzju u tgħid: “Jiena qatt mhu ser ninbidel.”


Tajjeb li noqogħdu attenti! Mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħok huwa verità.

U hawn tidħol mistoqsija importanti ħafna: Dan il-ħsieb qed iressaqni lejn Alla, jew qed ibiegħdni u jagħlaqni fil-biża’?

Jekk dan il-ħsieb ġej minn Alla, għandu jwasslek għall-indiema u bidu ġdid. Imma jekk il-ħsieb ta ħtija jkissrek, u jgħidlek li għalik m'hemmx tama, dak ma jiġix minn Alla.

Alla jurina d-dnub tagħna biex ifejjaqna, mhux biex jeqridna.

Immaġina missier li jasal id-dar għajjien mix-xogħol. It-tfal storbjużi, id-dar mhux kif xtaqha, martu għajjiena wkoll. Bla ma jaħsibha jgħolli leħnu u jgħid kliem li jweġġa’.

Wara ftit, jibda jħossu ħażin. Jista’ jagħmel żewġ affarijiet.

Jista’ jgħid: “Jien dejjem hekk. Jien missier ħażin. Aħjar noqgħod kwiet.” U jingħalaq fih innifsu. 

Jew jista’ jgħid: “Żbaljajt. Imma Ġesù qed isejjaħli biex nirranġa.” U jmur jgħid: “Jiddispjaċini. Tkellimt mill-għeja, imma ma kellix inweġġgħek.”

Din hi s-salvazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum.Mhux teorija. Mhux kliem sabiħ biss. Imma Ġesù jidħol fil-ħajja tagħma ta' kuljum u jagħtina bidu ġdid.


Kultant naħsbu li Alla jħobbna biss meta nkunu tajbin. Meta nitolbu. Meta mmorru l-Quddiesa. Meta ma niżbaljawx.

Imma l-Evanġelju jgħidilna xi ħaġa ferm akbar: “Alla hekk ħabb lid-dinja…”

Mhux Alla hekk ħabb lill-perfetti.  

Mhux Alla hekk ħabb lil dawk li qatt ma waqgħu.  

Mhux Alla hekk ħabb lil dawk li għandhom kollox f’postu.

Alla ħabb lid-dinja. U fid-dinja hawn ħafna taħwid, ħafna dnubiet, ħafna biża’, ħafna egoiżmu, ħafna firda. U xorta Alla jibqa jħobb.

Dan ma jfissirx li kollox tajjeb. Le. Id-dnub jibqa’ dnub. Dak li jweġġa’ lill-familja, lill-qalb, lill-ġisem u lir-ruħ jeħtieġ li jinbidel.

Iżda l-bidla vera tibda meta nemmnu li Alla jħobbna anke qabel ma nkunu kollox sew.

Alla jrid jibda jsalvana minn issa stess. Alla jrid idaħħal l-imħabba tiegħu fil-mod kif nitkellmu, naħfru, nisimgħu, inrabbu, inħobbu u ngħixu.

Tajjeb li nistaqsi lili nnifsi, fejn għandi bżonn id-dawl ta’ Kristu bħalissa?

F’xi relazzjoni?  F’xi vizzju?  F’xi biża’?  F’xi ħtija li ilni nġorr?  F’xi nuqqas ta’ maħfra?  F’xi deċiżjoni li qed naħrab minnha?

Nikodemu beda bil-lejl, imma ma waqafx hemm. Bil-mod il-mod mexa lejn id-dawl. U hekk jista’ jiġri lilna wkoll.

Ftakar dejjem: Ġesù ma ġiex biex jaqbdek fil-ħażin tiegħek. Ġie biex joħroġek minnu.

Ma ġiex biex jgħidlek “spiċċajt”.  Ġie biex jgħidlek “ibda mill-ġdid”.  

Ma ġiex biex jikkundannak.  Ġie biex isalvak.

U jekk illum tħossok bħal Nikodemu, miexi fid-dlam, tibżax tersaq lejn Ġesù.

Għax min jersaq lejn id-Dawl, ma jibqax l-istess.


Talba

Mulej Ġesù, nistiednek tidħol fid-dlam ta' ħajjti u fid-dar tiegħi.  

Fejjaq fija fejn hemm dgħajjef u marid.  

Agħtini l-kuraġġ nindem, nitlob maħfra u nibda mill-ġdid.  

Għinni nemmen li Int ma ġejtx biex tikkundannani,  

imma biex issalvani u tmexxini lejn il-ħajja 'l quddiem.  

Ammen.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form