Il-Maħfra hija dak il-bridge li jwasslek minn stat ta’ weġgħa għal stat ta’ fejqan 🌉
Il-Ħniena u l-Imħabba t’Alla huma bla limitu. Ir-Riżultat ta’ dan hija Maħfra bla qies. Min naħa tagħna aħna imsejjħin nimitaw lilu mal-oħrajn, irrelevanti għal kemm il-darba! Żgur li m’huwiex kunċett popolari, iżda l-verita’ hi li dan hu tagħlim prezzjuż li jinsab fil-qalba tat-tagħlim ta’ Ġesu u tal-Evanġelju.
Hija verita’ li meta jweġġgħek xi ħadd li tkun tirrispetta, tafda jew tħobb, ħafna drabi jiġri li timtela b’rabja, dispjaċir u tispiċċa taħseb u tikkunsidra modi kif se tirrejaġixxi jew aktar agħar li tpatti lura.
X’inhi l-maħfra?
Il-maħfra jista’ jkollha tifsiriet differenti għal persuni differenti, iżda ġeneralment tinvolvi li jkollok titlaq, iċċedi jew terħi minn ġo fik is-sentiment ta’ dispjaċir, il-ħsieb tal-azzjoni jew weġgħa li xi hadd li jkun qrib tiegħek għamillek.
Jista’ jkun li l-azzjoni li weġġgħatek tibqa’ tħossha jew tesperjenza l-effetti tagħha, iżda meta taħfer tkun qiegħed tnaqqas minn fuqek jew tinħles kompletament mill-għafsa jew il-pressjoni ta’ din il-weġgħa li jkollok.
X’inhi s-sejjħa li illum qed jgħamlilna Ġesu’ ?
L-Ewwel nett qed jgħamlilna stedina sabiex b’mod personali naħdmu fuqna infusna. Stedina li twassalna biex ninħelsu minn irbit u toqol li ma jħalli xejn ħlief ħsara ġewwa fina.
Is-Siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Il-Maħfra hija il-frott ta karattru sabieħ u b’saħħtu 💪
Ftit punti li tista taħdem dwarhom:
Irridu nifhmu li l-maħfra tirrikjedi impenn, jekk aħna irridu nikbru u nimxu ‘l quddiem.
Biex tasal taħfer trid tirrikonoxxi l-valur tal-maħfra u ta’ kif dan jista’ jtejjeb il-ħajja tiegħek.
Identifika fejn hemm bżonn il-fejqan bħal eż : lil min għandi naħfer u ta’ xiex għandi naħfer.
Ikkunsidra li titkellem ma xi ħadd li jista’ jagħtik sapport.
Irrikonoxxi u agħraf il-weġgħat li għamlulek u kif affetwawlek l-emozzjonijiet u l-imġieba tiegħek.
Hija għazla u deċizjoni personali li taħfer persuna li tkun weġġgħetek, u din ma tiddependi minn ħadd aktar ħliefek !
Inża ż-żarbun jew il-libsa tal-vittma u inqata’ mill-kontroll jew minn taħt il-qawwa li l-persuna li tkun weġġgħetek daħħlitek fiha.
Bħala komunita u bħala Insara attivi, Ġesu qed isejjħilna u jgħaddilna dir-risponsabilta li nwasslu dan il-messaġġ ta’ fejqan.
Ejjew flimkien inxerrdu u nxandru il-valur tal-maħfra li jiswa mitqlu deheb jekk irridu li l-paċi ssaltan f’ħajjitna. 💰
Għandna naħdmu u nenfasizzaw, li biex ikollna relazzjonijiet b’saħħithom, il-maħfra hija meħtieġa. Ejjew niftakru li ħadd minna m’hu perfett u għalhekk huwa faċli li nweġġgħu lil xulxin.
Ġesu’ qed iħeġġiġna sabiex, l-ewwelnett inwasslu dan il-messaġġ fil-prattika fil-familja tagħna u b’mod speċjali ma uliedna.
Ftakar din: L-Għaqda hija is-saħħa ta’ familja u l-maħfra hija dik il-kolla li żżommha magħquda flimkien 🤝
Id-Dinja hemm barra hija għattxana għall-Paċi !
F’dinja mimlija rizentiment u tpattija, Kull att ta maħfra huwa raġġ ta’ dawl 🌟
Iva, dan il-messaġġ ta’ Paċi u ħelsien għandna nwassluh ma kullħadd.
Il-Maħfra hija ċ-ċavetta li tħoll l-irbit tqil tar-riżentiment. Permezz tal-Maħfra tikseb il-ħelsien u l-fejqan !🗝️
Meta taħfer, tista’ tikber fil-mod ta’ kif tifhem lill-oħrajn u jikber fik is-sens ta’ kompassjoni, b’mod speċjali lejn dik il-persuna jew persuni li jkunu għamlulek xi azzjoni partikolari.
Meta taħfer ma jfissirx li tinsa jew tiskuża il-weġgħa li jkunu għamlulek, u mhux bilfors twassal li tirranġa mal-persuna partikolari, iżda meta taħfer tesperjenza sens ta’ paċi u trankwillità li b’hekk tkun tista tkompli miexi ‘l quddiem fil-ħajja tiegħek.
J’Alla il-maħfra tkun dik ix-xrara li tixgħellek it-triq ta’ ħajjtek sabiex tkompli miexi l-quddiem🔥
Ġesu Jgħid:
[Mt:6:12] Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.
[Mt:6:14] Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. [Mt:6:15] Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.
[Mk:11:25] U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom."
[Lq:23:34] U Ġesù qal: "Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu.
Il-Ħila li taħfer tirrifletti l-profondità tar-relazzjoni tagħna mal-grazzja t'Alla."✨
No comments:
Post a Comment