Il-Galilija kien meqjuż post impur, għax il-Lhud t’hemm ġew influwenzati minn ħafna pagani ta’ dawk l-inħawi. Fl-Antik Testment tissemma’ ħames darbiet biss.
Ġesu’ kien trabba u ħadem hawn, u ried joffri l-Aħbar tiegħu l-ewwel lill-Galilin, lill-bnedmin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Din l-Aħbar m’hiex xi devozzjoni – titlob impenn li int tbiddel ħajtek u l-mod kif taħsibha fuq it-tbatija, l-inġustizzja, eċċ. Ħafna jaħsbu li
(a) “ħajja spiritwali” tfisser tgħix ‘il bogħod min-nies, f’xi kunvent, issum u titlob il-ħin kollu f’intimita’ mal-Mulej; u
(b) “ħajja materjali” hi dik ta’ kuljum, tax-xogħol, tal-familja, maniġġar ta’ flus, eċċ. Mhux hekk.
Il-ħajja spiritwali hija l-ħajja ta’ kuljum li ngħixuha mhux skont fejn jiġbduna l-istinti, imma skont kif imexxina l-Ispirtu t'Alla ( il-forza li Ġesu’ ġie biex jintroduċi fid-dinja.) Min iħalli l-qawwa tal-Ispirtu tmexxih, kull jum għalih ikun jum spiritwali.
“Iż-żmien huwa mitmum.” Dan mhux żmien immarkat bl-arloġġ – kronos imma kairos, il-mument deċiżiv, l-opportunita’ li ma tistax taffordja titlef, għax jekk titlifha tkun tlift iċ-ċans biex tibni ħajja awtentika.
Iż-żmien laħaq il-milja tiegħu, jiġifieri, waslet is-siegħa fejn Ġesu’ ta’ Nażaret se jipproponi ħajja ġdida għall-dinja ġdida. Wara preparazzjoni twila, issa s-saltna t’Alla resqet tant viċin li tista’ tmissha b’idejk.
Meta l-poplu Lhudi talbu biex imexxihom re u mhux profeta, kien żmien ikrah, ħlief għal xi ftit snin taħt ir-re David. Ir-rejiet l-oħra abbużaw mill-poter u selħu l-poplu. Telqu l-preċetti t’Alla, żebilħu l-profeti u żvijaw il-poplu mit-triq it-tajba. Għalhekk kibret l-istennija bil-ħerqa ta’ re differenti minn dawn. Il-profeti kienu ħabbru l-miġja ta’ dan ir-renju fejn Alla stess se jieħu t-treġija tal-poplu f’idejh.
Illum Ġesu’ jħabbar: “Tistennewx aktar. Is-saltna t’Alla waslet.” Is-Sadduċej kienu kuntenti bil-ħajja sinjura tagħhom, u ma riedu ebda saltna oħra.
Il-Fariżej kienu jistennew is-Saltna t’Alla bħala osservanza stretta tat-tradizzjonijiet u tat-Torah.
Il-fanatiċi riedu renju konkret, bidla fir-reġim.
In-nies tad-dinja xtaqu saltna aktar ġusta fejn il-fqar ikollhom identita’ fis-soċjeta.
Bis-saltna t'Alla, Ġesu’ kellu f’moħħu dinja fejn il-bniedem ikun tassew bniedem, għax fid-dinja l-antika ma kienx qed iwettaq il-vera identita’ tiegħu. Anki dawk li kienu jiksbu suċċess, kienu jaħsbu li biex tkun bniedem trid tiddomina fuq l-oħrajn. Ġesu’ jgħid l-oppost: il-bniedem ta’ veru hu dak li jħobb u jservi.
Is-Saltna t’Alla waslet fil-persuna ta’ Ġesu’, għax Hu kien il-bniedem 100% awtentiku, fejn il-bniedem jasal għall-milja tal-vokazzjoni tiegħu.
Din l-istqarrija ta’ Ġesu tasal f’dinja mimlija idejat antiki. Mela l-ewwel ħaġa li hemm bżonn li ssir hi: “Indmu, ikkonvertu,” li tfisser; ibdlu l-mod kif taħsbuha fuq il-ħajja.
Ġona hedded lin-nies ta’ Ninwe li, jekk ma jikkonvertux, il-belt issir ħerba. Ġesu’ ma jheddidx, imma jistieden (lilna wkoll) biex nibdlu l-mentalita’ l-antika (p.e. li Alla jikkastiga u jpattiha lill-ħżiena. Din kienet idea ta’ dawk li riedu li Alla jagħmel bħalhom, għax kienu jipproġettaw il-ħażen tagħhom fuq Alla.)
Ġesu’ jgħinna niksbu l-konverżjoni (metanoia) billi jġib terrimot fir-raġunar tagħna, taqliba ta’ taħt fuq tal-iskala tal-valuri.
Ezempju: Jekk fl-ewwel post jien inpoġġi il-pjaċir u naqta’ kull xewqa li jkolli, nagħmel minn kollox biex inwettaq dan l-iskop. Nibdel il-mara, nigdeb, nisraq, inqarraq, eċċ isiru ħwejjeġ tajbin għalija.
Biex naċċetta s-Saltna t’Alla, irrid inpoġġi l-proxxmu u l-kuntentizza tiegħu l-ewwel, u lili l-aħħar. B’hekk nagħmel suċċess ta’ veru minn ħajti.
“Emmnu fil-Bxara t-Tajba”. Din ma tfissirx li nemmen xi pakkett veritajiet.
Meta ngħid nemmen ifisser li naċċetta din l-istedina ta’ Ġesu’, u nafda ħajti b’impenn għal din il-proposta ġdida Tiegħu.
Mal-ewwel Ġesu’ joffri din l-istedina lil żewġ aħwa. La kienu saċerdoti u l-anqas skribi. Ma kinux qegħdin jitolbu fis-sinagoga imma kienu fuq il-lant tax-xogħol tagħhom, is-sajd.
Hekk se tidħol is-Saltna t’Alla. Kif ġa għidna, l-ispiritwalita’ hija l-ħajja ta’ kuljum li ngħixuha b’dinamika ġdida, kif irid Alla.
Is-sejħa ta’ Abram bdiet bil-kliem: “Mur f’art li se nurik.” U ta’ Ġona: “Mur Ninwe.”
Tal-appostli (u tagħna wkoll) tibda bil-kelma: “Ejjew”. Se tibqgħu sajjieda, imma mill-baħar imdardar tad-dlamijiet se tiġbdu n-nies ħa jaraw id-dawl.
Il-baħar hu d-dinja tal-ħażen li joħnoq il-ħajja tal-bniedem uman.
“U minnufih ħallew ix-xbiek.” Ġesu’ mgħaġġel.
Min irid jimxi warajh m’għandux żmien x’jitlef. Ma jrid iħalli l-ebda xbiek iżommu lura. Xbiek jista jfisser ġibda għall-flus, għażż, mod antik kif nitlob (e.g. bil-wegħdi, merti, eċċ).
Ġesu’ qed jipproponi lil kull bniedem mod ġdid kif jaħseb, jitlob u jirraġuna.
Biex naċċetta dan jiħtieġ nagħmel hekk fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum b’loġika ġdida – dik ta’ Ġesu’.
Ġesu jkompli jimxi u joffri dil-proposta ma’ kull min jiltaqa’. Wasal f’xatt il-baħar u sejjaħ lill-aħwa Ġwanni u Ġakbu. Ġesu’ jista’ jagħżel lili, b’isem ieħor u b’xogħol differenti, imma s-sejħa tibqa’ l-istess.
Dawn l-aħwa ħallew lil missierhom. Il-missier kien il-kustodju tat-tradizzjonijiet, u kellu d-dover li jgħaddihom lil uliedu.
Meta ħallew lill-missier ifisser ukoll li nqatgħu mit-tradizzjonijiet antiki u idejat mgħawġa fuq Alla.
Aħna wkoll illum jiħtieġ neżaminaw it-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna, u naraw fejn qed nesaġeraw, fejn xellifnihom biex jogħġbu lil kotra, u kemm qed ibegħduna mill-Vanġelu. Fil-każ hemm bżonn nerġgħu nippurifikawhom jew naqtgħuhom.
“Ħallew il-lavranti.” Min jimxi wara Ġesu’ m’għandux sefturi, imma hu jsir lavrant għall-oħrajn. Ġwanni u Ġakbu fehmu l-proposta affaxxinanti ta’ Ġesu’ u telqu warajh. Jiħtieġ li aħna wkoll nifhmu sew x’inhi dis-sejħa, u nkunu ċerti li qed nimxu wara Ġesu’ għal dan l-iskop, u għall-ebda skop ieħor.
No comments:
Post a Comment