Meta Pixel Code

23 February 2024

Dan hu Ibni l-għażiż - Studju Bibbliku Mk 9:2-10 - It-Tieni Ħadd tar-Randan. Sena B

 


F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.


Bil-Grieg tintuża l-kelma “metamorfosi” mhux trasfigurazzjoni.  Aħna din nużawha meta dudu jsir farfett.  Hawn min jitqażżeż  meta jara ċertu dudu, imma jammirah meta jsir farfett sabiħ.

Il-Qari jibda bil-kliem: “Sitt ijiem wara..”  għax sitt ijiem qabel, f’Ċesareja Filippi, Ġesu’ staqsa lill-Appostli: “Min tgħidu li jien?”  Pietru wieġbu:  “Int il-Messija.” 

Wara din l-istqarrija ta’ fidi, Ġesu’ ħabbrilhom li se jmur Ġerusalemm. U kellu jċanfar lil Pietru għax lumu, u għax b’raġunar bħal tal-bnedmin kien fi kliem ieħor qed jgħidlu:  “Min jagħti ħajtu għall-oħrajn huwa fallut.” 

Illum Ġesu’ ried juri lit-tlitt appostli li dak li f’għajnejn in-nies jidher ikrah u fallut, jista’ jkun sabiħ u ta’ suċċess.  Riedhom jagħmlu esperjenza mill-viċin tal-wiċċ u tal-presenza tal-Missier.  Illum qed jistieden lilna wkoll biex inħarsu lil hinn mill-bniedem fallut fuq is-salib u nagħmlu esperjenza tal-istess bniedem mibdul f’wieħed glorjuż u li jittrasmetti l-Wiċċ imdawwal tal-Missier Etern.

Pietru, Ġwanni u Ġakbu magħżula llum u aktar tard fl-Ort tal-Ġetsemani.

“Fuq muntanja għolja”, - il-post fejn wieħed jinqata’ mid-dinja u jagħmel kuntatt aktar mill-viċin m’Alla. 

Biex nagħmlu l-esperjenza tal-lum, anki aħna rridu ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja – hawn min jagħmel ħin ta’ talb fil-kwiet (quiet time) id-dar jew f’xi kappella. Hawn min kull tant imur f’xi dar tal-irtiri.  Irridu ninqatgħu mhux biss mill-istorbju imma wkoll mir-raġunar u l-kriterji tad-dinja. 

F’dan is-silenzju, waqt ir-riflessjoni u l-meditazzjoni, il-Mulej se jtina l-grazzja li nagħmlu esperjenza tal-preżenza ta’ Kristu fil-glorja tiegħu, u nħossu l-ferħ li ħassew l-Appostli.

Mose’ u Elija kienu ppreparaw il-poplu Lhudi għall-glorja t’Alla.

Mose’ darba staqsa lil Alla biex jara wiċċu.  Alla qallu: “Ħa ngħaddi minn quddiemek imma se ngħattilek għajnejk.  Wara li nkun għaddejt tista’ tiftaħ għajnejk u tara l-glorja tiegħi fl-opri li nkun wettaqt.”

Elija wkoll kien tela’ fuq muntanja (Ħoreb) biex ifittex lil Alla.  Ma sabux fit-terrimot jew fit-tempesta, imma f’żiffa ħelwa, fil-vuċi tas-silenzju.  Din kienet preparazzjoni għall-miġja ta’ Kristu li kellu juri lid-dinja id-dawl tal-Missier.

Pietru tant għoġbitu dix-xena li ried iwaqqaf l-arloġġ.  “Intellgħu tliet tined”, - ħa nibqgħu hawn u nkomplu ngawdu dan il-wiċċ ġdid ta’ Kristu għal dejjem.”  

Mela jekk aħna nitilgħu il-muntanja (inħallu warajna l-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin) , aħna wkoll nibdew induqu dal-ferħ, għax naffaxxinaw ruħna meta naraw lil Kristu kif jaraH il-Missier. 

Ġesu’ ħa t-tlitt Appostli għalihom, imma fuq l-għolja kienu ħaġa waħda – kommunita’.  Aħna nitilgħu l-għolja kull darba li niltaqgħu bħala kommunita’ għat-talb u għall-qsim tal-Ewkaristija.  Din għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ ferħ kbir għax hemm kuljum nitgħallmu dejjem iżjed kif niċħdu l-kriterji u l-valuri tad-dinja u nħaddnu dawk tal-Kelma t’Alla.  Imma ma nistgħux nibqgħu fuq il-muntanja l-ħin kollu.  Irridu nerġgħu lura fid-dinja biex inħajru lil ħutna iħaddnu dak li ksibna aħna. 

“Sħaba mimlija dawl….” ma tantx tagħmel sens.  Sħaba s-soltu ġġib id-dlam.  Din tfisser li dment li għadna f’did-dinja qatt m’hu se naraw lil Alla kif inhu.  Dejjem se jkun hemm mumenti ta’ dlam. ċpar, misteru.

Imma minn qalb is-sħaba toħroġ il-vuċi t’Alla:  “Dan hu Ibni l-Għażiż….”  Darb’oħra biss smajniha din il-vuċi: fil-magħmudija ta’ Ġesu’.  Dak in-nhar Ġesu’ ma deherx waqt li kien qed jagħmel il-mirakli, imma deher bħala midneb li kellu bżonn il-magħmudija ta’ Ġwanni.

Għalhekk il-Missier jikkonferma lin-nies:  “Dan m’huwiex il-midneb li qed taraw intom, imma Ibni l-Għażiż.” 

Illum fuq it-Tabor il-Missier jerġa’ jikkonfermalna: “F’Ibni l-Għażiż għandkom taraw lili.  Mela, isimgħu Lilu.”  In-Nisrani jrid jisma’ lil Ġesu’ billi jaċċetta l-proposti tiegħu.

Fil fatt, it-tliet appostli li raw id-dija ħierġa mill-wiċċ Divin ta’ Ġesu’, issa, għal dil-proposta, waqgħu wiċċhom fl-art  bil-biża’.  

Kull tant il-proposti li jagħmlilna Ġesu’ m’humiex faċli.  Anzi xi kull tant huma tal-biża’ għax huma mpenjattivi ħafna.  Għalhekk Ġesu’ resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux!” Fi żmien ta’ qtiegħ il-qalb, ejjew aħna wkoll nistħajlu lil Ġesu’ jgħidilna biex inqumu fuq saqajna u ma nibżgħux.  Niftakru li kien hu li l-ewwel ta ħajtu għall-oħrajn.

“Huma refgħu għajnejhom u raw lil Ġesu’ biss.”  Issa li għandna d-Dawl, ix-xogħol ta’ Mose’ u Elija intemm. 

L-espressjoni “refgħu għajnejhom” tħabbar li xi ħaġa sabiħa se tiġri dal-waqt.  Eżempji: 

(a) Meta Alla qal lil Abram:  “Erfa’ għajnejk u ara tistax tgħodd il-kwiekeb” – riżultat: Alla għamel patt mal-poplu Lhudi 

(b) Lil Mose’: “Ħares lejn il-Lvant u l-Punent” – riżultat: Alla ta b’wirt l-Art Imwiegħda lill-poplu magħżul Tiegħu.

(c) Meta Ġesu’ refa’ għajnejh lejn is-sema qabel xi miraklu; jew biex jara l-Żakkew fis-siġra.

Jekk għad hawn il-faqar u l-gwerer fid-dinja forsi għax mhux qed nerfgħu għajnejna lejn is-sema aktar ta’ spiss.

Wara din l-esperjenza, l-Appostli niżlu minn fuq il-muntanja, persważi li, biex jgħinu lill-oħrajn jiskopru il-vera identita ta’ Kristu, kien meħtieġ li jservuhom.  Aħna għandna bżonn nagħmlu l-istess.


No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form