Meta Pixel Code

17 June 2024

Dan min hu, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu? - Studju Bibbliku Mk 4:35-41 - Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena



Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.



Min jisma’ r-rakkont tal-lum fejn Ġesu jsikket it-tempesta, għandu mnejn isaqsi xi domandi. Tajjeb li jitwieġbu biex ma nitilfux ir-rikkezza ta’ din il-paġna tal-Bibbja. 

(i) Ġesu qatta’ dak il-jum jipprietka bil-parabboli taż-żerriegħa. Filgħaxija, minn flok qal lid-dixxipli jmorru jieklu u jistrieħu, qal: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor.” Żgur li d-dixxipli qalu bejnhom u bejn ruħhom: “X’se mmorru nagħmlu bil-lejl f’post li ma nafux?”   

(ii) Il-baħar tal-Galilija (21Km x 11Km) hu kenni qisu bejta mdawwar bl-għoljiet.  Id-dixxipli kienu jafuh sew dan il-baħar u,  li meta jqum ir-riħ, dan mhux se jkun qawwi ħafna. Mela x’kienet din it-tempesta li bdiet thedded li tgħarraq id-dgħajsa tad-dixxipli?  

(iii) Il-mewġ kien għoli u beda dieħel fid-dgħajsa. B’dak ir-raxx tal-ilma u ċċaqlieq tad-dgħajsa,  kif jista’ jkun li Ġesu baqa’ rieqed?

Mela jidher ċar li Mark jikteb dawn id-dettalji għax irid itina tagħlim tejoloġiku, b’xi kliem u frażijiet iservu ta’ simbolu għal xi ħaġa oħra.

“Filgħaxija” – għax Ġesu qed joqrob lejn tmiem il-missjoni tiegħu li seħħet ‘bi nhar’.  Issa wasal il-lejl fejn se jħalli lid-dixxipli jkomplu huma l-ħidma tiegħu. 

Jiħtieġ imorru “ix-xatt l-ieħor”, jiġifieri in-naħa tal-pagani fejn se jsibu nies maħkuma mix-xitan, egoiżmu, inġustizzji, regħba u gideb li jwasslu għal soċjeta’ diżumana. (In fatti, l-għada nsibu lil Ġesu jikkumbatti ma mxajtan).  

Dil-kwalita’ ta’ soċjeta’ tad-dinja antika jiħtiġilha l-preżenza tad-dixxipli li jwasslulha l-Vanġelu.  Dan għandu l-qawwa li jkeċċi minnha dawn ix-xjaten biex terġa’ ssir umana.   

“Ħaduh magħhom kif kien,” għax Ġesu qed joqrob lejn it-tmiem tal-missjoni tiegħu.

“…u marru miegħu dgħajjes oħra.” Id-dgħajsa hi simbolu tal-Knisja.  Fi Knisja Gotika wieħed jara n-navi f’forma tal-pruwa ta’ dgħajsa arbulata. Mela “d-dgħajjes l-oħra” huma l-komunitajiet Insara li bdew jinbtu mal-erbat irjieħ tad-dinja.  

Nafu ċar li min iħaddan il-prinċipji tad-dinja l-antika jirribbella u jagħmel gwerra lid-dixxipli f’kull żmien. Dawn l-irwiefen u tempesti qliel jaslu saħansitra biex  joqtlu xi wħud mid-dixxipli.  Fejn jersaq Ġesu u l-Vanġelu tiegħu jieqfu l-irwiefen u tikkalma t-tempesta.  

Alla hu l-unika wieħed li jista’ jiddomina dawn il-qawwiet kaotiċi.  Hawn min jaqta’ qalbu meta jara tant ħażen fid-dinja inkluż fil-Knisja stess.  Niftakru li d-dgħajsa ta’ Pietru  għaddiet minn burraxki ferm akbar minn dawn matul is-sekli, imma xorta għadha sħiħa, bil-wegħda ta’ Ġesu, “Jien nibqa’ magħkom sal-aħħar.”

“Hu kien fuq il-poppa rieqed,” imma d-dixxipli riedu jsolvu l-problema b’ħilithom biss! L-irqad ta’ Ġesu hu simbolu tal-mewt (Għall-aħbar li Lazzru kien miet, Ġesu jgħid lid-dixxipli, “Lazzru rieqed”). 

Il-kelma użata għall-imħadda (proskefalaion) hi l-istess kelma li kienu jużaw għal dik li kienu jpoġġu taħt ras il-mejjet.  Mela d-dixxipli insew li Ġesu kien magħhom, kif ġieli nagħmlu aħna, għax nafu li miet, irxoxta u tela’ s-sema; mela, m’għadux hawn iżjed.  Dan raġunar ħażin u nuqqas ta’ fidi.  

Ġesu għadu magħna (Immanuel) imma ma nistgħux narawh bħala dak Ġesu ta’ Nazaret il-mastrudaxxa. Bil-fidi aħna nemmnu li qiegħed preżenti ħdejna l-ħin kollu u b’mod straordinarju fl-Ewkaristija. 

F’Emmaws Ġesu mexa maż-żewġ dixxipli imma ma ntebħux bih.  Ħin minnhom raw ‘raġel’ li qagħad jispjegalhom l-Iskrittura.  Appena għarfuh fil-qsim tal-ħobż,  ma rawhx iżjed, imma Hu ma telaqx.  Baqa’ hemm fl-Ewkaristija. Issa wkoll illum, qed narawh  jipprepara d-dixxipli biex jibdew jidraw li jagħrfu l-preżenza tiegħu mhux aktar bħala dak Ġesu qabel il-mewt tiegħu, imma bħala Kristu l-irxoxt.

Il-poppa - kienet post it-tmunier, u f’din it-tempesta Ġesu jidher li ma jimpurtahx x’qed jiġri.  Kif ġieli nħossu aħna meta, l-aktar f’xi żmien diffiċli, naħsbu li Alla ħalliena għal rasna. U mhux ħaġa kbira li nduru lejh u ngħidulu: “Dan qisu mhu xejn għalik li se nintilfu?  Meta se tgħinna?”

Mela meta nsibu ruħna quddiem burraxki f’ħajjitna, fil-familja, piki fil-Knisja, bir-raġun insaqsu: “Fejn int, Mulej? Kemm se ddum tinsini?” 

Din hi mistoqsija valida għax tagħti bidu għal djalogu m’Alla, li jwassalna biex ngħidu mas-salmista: “La taħbix wiċċek minni” (Salm 13).  Dawn huma l-iljieli tagħna ta’ tbatija, ta’ tradiment, ta’ abbandun.  Alla jippermetti dawn il-ħwejjeġ għax jaf li, dment li nħaddnu lil Kristu u l-Vanġelu tiegħu, se noħorġu rebbiħin u aktar qawwijin minn qabel.

“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela m’għandkomx fidi?”  It-talba magħmula se tiġi mismugħa:  “Iskot!  Biżżejjed!  X’jiġifieri bżajtu li d-dgħajsa ta’ Pietru se tegħreq?  Mela din hi d-dgħajsa tagħkom?  

Din hi d-dgħajsa tiegħi, u żgur u qatt mhu se nħalliha tintilef.  Inkompli ninsisti li jien se nibqa’ għal dejjem ma’ din id-dgħajsa u ma’ kull min ibaħħar fiha.”

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form