Meta Pixel Code

30 March 2025

Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla. Studju Bibbliku Ġw 8:1-11 - Il-Ħames Ħadd tar-Randan


F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.

Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ.

Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.

Il-Kelma tal-Mulej. 




Is-silta tal-lum ma kontx issibha fil-Vanġelu fl-ewwel 200 sena.  Dan għaliex in-numru ta’ Nsara beda jikber ġmielu u ħafna bdew jgħixu ħajja ta’ xejn mhu xejn. Għalhekk il-Knisja adottat pastorali aktar riġida: ma kinitx taħfer tliet dnubiet: ċaħda tal-fidi, qtil u adulterju.  Min ikun ħati t’hekk, kien ikun eskluż mill-komunita’. Għalhekk ma setgħux jaċċettaw il-kliem ta’ Ġesu: “L-anqas jien ma nikkundannak.”  Maż-żmien irranġaw l-affarijiet, u dis-silta sabet postha f’San Ġwann, għalkemm ħafna biblisti jaqblu li kitibha Luqa għax tinħass in-nuqqas tagħha fl-aħħar tal-Kapitlu 21.

“L-għada qabel is-sebħ mar fit-Tempju.”  Wara lejl jitlob, sebaħ jum ġdid fejn Ġesu’ se jikxef il-veru Wiċċ meraviljuż tal-Missier f’dawl li jgħammex.  Imur jitlob fit-Tempju fejn issir ukoll ġustizzja bi kriterji umani.  

Iġibulu adultera li ma nafux x’jisimha.  Din hi simbolu ta’ kull bniedem li ma jibqax fidil għall-wegħdiet tal-Magħmdija tiegħu, għax jaħseb li, jekk jitbiegħed minn Alla, se jkun aktar ferħan.  Permezz ta’ Ibnu, Ġesu’ ta’ Nazaret, il-Missier irid juri x’ġustizzja jagħmel ma’ dawn it-talin, u kemm din hi differenti mir-raġunar u l-kriterji tal-bnedmin.

“Ħadulu quddiemu mara li nqabdet tiżni.”  Din kienet żagħżugħa li kienet għada ma marritx tgħix ma’ żewġha, għax inkella l-piena ma kinetx tkun tħaġġir imma tgħallieq.  Il-piena tal-mewt kienet ukoll għal min joqtol xi ġenitur u min ikasbar is-Sibt.  Dawn il-kundanni rari kienu jseħħu fil-fatt.  Kienu fit-Torah biex juru l-gravita’ ta’ dan l-aġir.  Il-mira tal-kittieba u l-Fariżej ma kinitx din iż-żagħżugħa, imma Ġesu’. Kellhom fatt konkret u waqt li jikkwotaw lil Mose’, riedu jaraw jekk Ġesu’ jimxix fuq il-loġika umana li min jiżbalja ħaqqu l-kastig.  

Ma felħux aktar jaraw lil Ġesu’ jintroduċi ġustizzja ġdida fid-dinja.  Xtaqu jdaħħluh f’xibka għax, jekk jgħid li l-adultera ma ħaqqhiex kastig, ikun qed imur kontra t-Torah.  Jekk jgħid li ħaqqha, il-midinbin ma jibqgħux aktar ifittxuh. 

Hawn għandna żewġ uċuh tal-ġustizzja.  Dik tal-Fariżej aktar timxi mal-loġika.  Il-periklu hu li nattribwixxu dix-xorta ta’ ġustizzja għal Alla.  

Illum ħafna jaqgħu f’dal-periklu għax iridu li Alla jkun ġust skond kif jgħid is-sens komun.  Dan mhux Alla veru imma idolu. Għalhekk Ġesu’ llum irid jgħallimna li d-dnub ma jitħassarx biċ-ċarċir tad-demm tal-midneb jew ta’ xi ħaruf maqtul u maħruq fit-Tempju.  

Biex tagħti tagħlima lill-midneb kemm hu gravi d-dnub, jew biex ma jerġax iweġġa’ lil għajru, inutli tibagħtu għall-mewt. Kemm-il darba nisimgħu Nsara jgħidu fuq il-qtil ta’ xi kriminali:  “Ħaqqu! Il-ġustizzja laħqitu!”  Hija dagħwa li ngħidu li dil-kwalita’ ta’ ġustizzja hija t’Alla.

“Imma, int, xi tgħid?”  Ġesu’ ma weġibx, imma miel minn qaddu ‘l isfel u beda jikteb b’sebgħu fit-trab.  Ma riedx li jiddiskuti magħhom fuq il-ġustizzja jew jikxef l-intenzjoni ħażina tagħhom.  Hu kellu f’moħħu żewġ għanijiet: wieħed li jsalva lill-mara, u l-ieħor li jsalva ‘l dawk li qed jakkużawh billi jilliberahom mill-kriterji ħżiena ta’ ġustizzja li kellhom.

Hawn għandna folla bl-istint tal-massa bħan-ngħaġ ta’ Bendu: biżżejjed wieħed jitfa’ ġebla biex l-oħrajn jagħmlu bħalu bla ma jaħsbuha darbtejn.  L-istess jiġri meta wieħed iħaġġar bi lsienu u bil-kalunji.  Ma jħossux ħati għax “kulħadd hekk qed jagħmel.”  

Ġesu’ jitbaxxa fis-skiet u jħażżeż fit-trab.  Il-folla waqfet ħesrem, mgħaġġba ssaqsi lilha nnifisha:  “Hemm x’qed jagħmel dak?”  Fis-silenzju li waqa’, kull wieħed kellu ċans jieqaf jirrifletti u stħajjel lil Ġesu jgħidlu: “Għalfejn ġejt hawn?  Ġejt minn rajk jew ġiegħlek xi ħadd jew xi ħaġa?  Jew ġejt imkaxkar mal-kurrent?  X’se tieħu minn dan it-tħaġġir?  Qed tinħeba fil-folla biex ma tħossokx tistħi tagħmel ħaġa bħal din?”

Il-Fariżej intebħu x’qed jiġri.  Għalhekk kisru s-silenzju billi komplew jinsistu għal tweġiba.  

Ġesu’ qam dritt u qal: “ Min fostkom hu bla dnub…..”  Biex iżarma l-qawwa tal-folla, ma jindirizzax lil kulħadd flimkien, imma kull individwu wieħed wieħed: “Int tista’ tgħid li qatt m’għamilt dnub?  Żgur int pur u perfett?  Iva?  Mela waddab l-ewwel ġebla.”  Dan jgħodd għalina wkoll: “Qabel ma tħaġġar b’ilsienek, aħseb ftit għaliex se tagħmel dan.  Għax forsi se tgħid il-verita’?  Din raġuni biżżejjed biex tperreċ lil għajrek ma’ kullimkien?  X’ġid se joħroġ?  Żgur li ħadd m’għandu xejn xi jxandar fuqek?”

Ġesu’ reġa’ tbaxxa jikteb fit-trab.  La għamel hekk darbtejn sinjal li importanti.  Ġesu’ ma kitibx id-dnubiet fit-trab biex iġiegħel in-nies jistħu, kif jaħsbu xi wħud.  Hu kien fit-Tempju u kien qed jikteb fuq blata.  Li ried jurihom hu dan: “Għandkom il-Liġi miktuba fuq twavel tal-ġebel.  Għadkom ma naqqaxtuhomx fuq qalbkom?”  “Jum wieħed nibdel qalbkom tal-ġebel f’waħda tal-laħam, biex tħobbu kif iħobb Alla” (Ġeremija. Eżekjel).

“Kif semgħu jgħid dan…qabdu u telqu,” mhux b’mistħija imma konvinti li għal daqsexjn kienu se jagħmlu ħaġa ħażina.  Ir-rabja li kellhom kienet qed tisirqilhom il-ferħ.  Dan reġgħu kisbuh hekk kif iddeċidew li jħallu lil dik il-mara bi kwietha.

Ġesu’ jibqa’ bil-qiegħda u jħares ‘il fuq lejn il-mara.  Isejħilha “mara’ għax bla isem. Simbolu tal-“għarusa” li fl-aħħar iltaqgħet mal-“Għarus” li jħobbha minkejja t-tradimenti tagħha.  

Is-silta tispiċċa b’turija tal-vera ġustizzja ġenwina t’Alla: “L-anqas jien ma nikkundannak. Mur u tagħmilx aktar ħsara lilek innifsek.” Il-messaġġ tal-lum hu: noqogħdu attenti mill-ġustizzja tal-bnedmin; u ma nistennewx li Alla juża dil-kwalita’ ta’ ġustizzja.  

Aħna ħlaqna ħafna każi biex inwaddbu n-nies l-infern, waqt li l-kelma “infern” l-anqas biss insibuha fil-Bibbja.  Alla jiddistingwi bejn id-dnub, li Hu jikkundanna bis-sħiħ, u l-midneb, li Hu jħobb dejjem u ma jikkundanna QATT. 

L-adulterju hu dnub kbir u jweġġa’ l-membri tal-familja fejn iseħħ.  Alla jobgħod dan id-dnub u l-ħsara li jġib miegħu.  Jobgħod ukoll ix-xewqat ħżiena li jwasslu għalih.  Imma l-midneb hu ibnu u jaħfirlu minn qabel ma jiddispjaċih. Jekk nikkundanna oħrajn, jien midneb nispiċċa nikkundanna lili nnifsi. 

Dan iġib rimors u sens ta’ ħtija li jagħmel ħafna ħsara għal saħħti.  Alla dan ma jridux.  Irid li jien inħossni maħbub u ferħan minkejja l-waqgħat tiegħi.  Fil-Qrar jiħtieġ nisma’ kelma ta’ faraġ biex nerġa’ nqum, nibda folja ġdida, u nkompli ngħix ferħan.

“Il-ġustizzja t’Alla hi ħanina.  Il-ħniena t’Alla hija ġusta” - Papa Franġisku.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form