Meta Pixel Code

07 May 2025

Lin-nagħaġ tiegħi nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem. Studju Bibbliku Ġw 10:27-30 - Ir-Raba' Ħadd tal-Għid. Sena Ċ

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Il-Kelma tal-Mulej.


Biex nifhmu s-silta tal-lum, hemm bżonn naraw il-kuntest fejn intqal dan il-kliem.  Ġesu’ kien miexi fit-Tempju taħt il-portiku ta’ Salamun.  Hawn kienu jinġabru ir-rabbini biex jinterpretaw it-Torah lil min ikollu xi kustjoni fuq xi ħaġa.  Il-kapijiet tal-Lhud ġa kienu qatgħuha li joqtluh, għalhekk kif rawh riesaq, daru miegħu biex jaraw isibux xi ħaġa f’dak li jgħid biex jixluh biha.  

Kienet il-festa tal-konsagrazzjoni (Ħanukka), festa tad-dawl li kienet iddum ġimgħa u li fiha jippurifikaw it-Tempju.  Dan kien sar l-ewwel darba minn Ġuda Makkabew (165 BC)  wara li l-Lhud ħelsu mill-jasar tas-Selewċi li kienu pprofanaw it-tempju.  F’dil-festa jużaw menora ta’ disa’ xemgħat mhux seba’.

Il-kbarat saqsew lil Ġesu’: “Kemm se ddum taqlgħalna ruħna?  Jekk inti l-Messija għidilna biċ-ċar” (Ġw 10, 24) i.e. “Wara li ħlisna mis-Selewċi issa waqajna taħt ir-Rumani.  Mela jekk int il-Messija, meta se teħlisna minn dawn il-pagani?”  

Ġesu’ weġibhom: “L-għemejjel li nagħmel f’isem Missieri jixhdu għalija.  Iżda intom ma temmnux għax m’intomx min-ngħaġ tiegħi” (10. 25-26).  Ġieli għajjarhom ħallelin, merċenarji u lpup.  Żgur ma kinux il-ħrief  ġwejda li bihom Kristu ried jibni dinja ġdida. Kienu jmexxu bil-kriterji tad-dinja l-qadima fejn iż-żgħar iridu joqgħodu mjassrin mill-kbar f’ambjent ta’ bhejjem selvaġġi, fejn bniedem komuni ma kienx jiswa aktar minn par sandli.  

Il-Lhud kienu qed jistennew Messija qawwi li jiggwida l-poplu Lhudi biex jaħkem fuq popli oħra bil-forza, ikollhom ħafna skjavi u huma jgħixu paxxuti.  Għalhekk evita l-mistoqsija tagħhom u għamel il-punt li ried jisħaq fuqu: “Il-Messija veru m’għandu x’jaqsam xejn mal-Messija ta’ moħħkom.  In fatti, Hu l-oppost tar-renju tal-ilpup.  Il-ħaruf ġwejjed se jkun li jmexxi dar-renju,” fi kliem ieħor, ir-ragħaj stess se jkun hu wkoll ħaruf (Apok.).

“In-ngħaġ tiegħi jisimgħu leħni.”  Illum il-festa tar-Ragħaj it-tajjeb, ir-Ragħaj is-sabiħ. Biex wieħed ikun segwaċi ta’ dan ir-ragħaj jiħtieġ: 

(i) jagħraf u jisma’ leħnu. Kull Lhudi tliet darbiet kuljum jgħid it-talba Xema’: “Isma’, O Israel: il-Mulej hu Alla tagħna, uniku.  Ħobb ‘l Alla tiegħek….  bil-ġid kollu tiegħek.”  L-allat Griegi ma kienx jinpurtahom min-nies, aħseb u ara kemm kienu se jkellmuhom.  Imma Alla ta’ Israel jinvolvi ruħu f’ħajjet il-bnedmin, u jkellimhom biex jurihom it-triq li twassal għall-ferħ.  

Il-verb Xema’ fil-Bibbja nsibuha aktar minn mitt darba.  Biex wieħed ikollu relazzjoni tajba m’Alla jiħtieġ li jisma’ u jqiegħed fil-prattika dak li jisma’, b’fiduċja kbira li Alla mhux se jqarraq.  Hu bħal dak il-missier li jagħmel premura m’ibnu għax iħobbu, jixtieqlu l-ġid u jrid jarah kuntent.  Jitolbu jisma’ minnu, imma ma jinponix. Iħallih fil-liberta’.  Tisma’ hawn tfisser “tagħżel li tgħix”, fil-waqt li ssodd widnejk tfisser “tagħżel il-mewt.”  Fost l-ilħna li nisimgħu llum, jiħtieġ nagħrfu l-leħen ta’ dan ir-Ragħaj.  Dan nagħmluh billi nżommu qalbna safja biex l-Ispirtu Qaddis jgħallimna d-dixxerniment: “Henjin ta’ qalbhom safja għax jaraw (jagħrfu) ‘l Alla.”  

(ii) “U jiena nagħrafhom”.  “Tagħraf, taf” lil xi ħadd fis-sens Bibliku, ifisser ikollok relazzjoni bħal ta’ għarus u għarusa.  Dawn jaqsmu l-istess ħolm, xewqat u ppjanar għall-futur.  Koppja bħal din ikunu jafu sew lil xulxin, ikunu rigal għal xulxin, jikkomunikaw fuq kull livell u jagħtu mħabbithom lil xulxin.  Ġesu’ juża dal-verb (nagħraf) biex juri r-rapport li se jkun hemm bejn il-Ħaruf u l-ħrief l-oħra li jaċċettaw it-tagħlim u l-proposti tiegħu.  Min jgħid li jemmen imma m’għandux dir-relazzjoni ta’ namur mal-Mulej, għandu fidi dgħajfa ħafna. 

(iii) “U huma jimxu warajja.” Lil dawn il-ħrief Ġesu’ jwiegħed: 

  • “Nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.” Din mhiex il-ħajja bijoloġika imma dik tal-Etern.  Din mhux xi ħaġa tal-futur biss, imma ġa bdiet minn issa, i.e. għandna l-ħajja li tawna l-ġenituri u l-ħajja eterna li tana r-Ragħaj appena qtajniha li nidħlu fil-merħla tiegħu.  Meta tispiċċa l-ewwel waħda, it-tieni tilħaq il-milja tagħha wara li tul ħajjitna nkunu ssilitna biex niżviluppawha kemm jista’ jkun. Nistgħu nxebbħu dawn iż-żewġ ħajjiet hekk: tal-ewwel mal-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf li tiżviluppa kuljum; l-oħra, meta l-fetu jimmatura, joħroġ mill-ġuf u jibda jgħix f’dinja oħra.  
  • “U huma ma jintilfu qatt.” Meta ħafna minna jħossu li dil-ħajja waslet fit-tmiem, jippruvaw igawdu kull minuta.  Ir-ragħaj jgħidilna: “Tintrabtux ma’ dil-ħajja għax titilfuha.  Minn flok offruha bħala rigal għall-oħrajn, u hekk jgħix fikom l-Iben t’Alla li mhu se jħallikom tintilfu QATT.  
  • “U minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.” Hawn ħafna ħallelin u lpup.  Dejjem hemm il-periklu li dawn jidħku b’xi ħrief biex jimxu warajhom.  B’din il-wiegħda għandna ċ-ċertezza li l-Imħabba kbira bla tarf  t’Alla hija akbar min-nuqqasijiet u d-debulizzi tagħna, tant li ebda lupu mhu se jaħtafna minn dirgħajn il-Missier Etern.

“Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.”  Din hi komunjoni u għaqda perfetta.  L-Iben iwettaq l-unika proġett ta’ mħabba tal-Missier, f’sintonija sħiħa miegħu.  Il-messaġġ tal-lum hu:  Din l-Imħabba kbira tal-Missier u l-Iben għalina hija r-raġuni tal-ferħ kbir li qed inħossu f’dawn il-festi tal-Għid.  



No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form