Illum qed ngħixu ħajja fejn ħafna persuni jħossuhom għaddejjin minn battalja kontinwa.
Min imħabbat u stressjat, anke illum tisma b'ġenituri litteralment eżawriti u ssib min jgħidlek lanqas biss għadna kapaċi nitkellmu bil-kwiet flimekien.
Tfal u żgħażagħ iħossuhom li m'humiex mifhuma, jew anke jesperjenzaw vojt ġewwa fihom.
U xi kultant nintebħu li għal kemm fi djarna inkunu diveri persuni preżenti, xorta inħossun waħedna.
Ġesu illum qed jgħidilna kelma b'saħħitha:“Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom.”
Ġesu' ma jwiegħedx perfezzjoni, jew li ser ngħixu bla taħbit, iżda jwiegħdna l-preżenza tiegħu. U dan il-fatt ibiddel kollox!
F'dar ilbogħod mill-fidi, faċli ssaltan it-tensjoni, ir-rgħabbja, il-kburija u jittellgħu il-ħitan. Min naħa l-oħra, meta nistiednu l-Ispirtu s-Santu f'dik id-dar jerġa jfeġġ is-sliem, u ftit ftit jibda jseħħ il-fejqan.
Mhux għax aħna perfetti, iżda għax Alla hu preżenti.
Ġesu' jgħid ukoll: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi."
Inkunu nsara tajjbin, meta l-imħabba tagħna tirriflett fl-azzjonijiet tagħna.
Meta nkunu kalmi u paċenzjużi flok taqbżilna.
Meta nisimgħu aktar milli ngħajjtu.
Meta naħfru malajr
Meta nkunu preżenti.
Meta nitolbu flimkien
Meta nisimgħu, minflok niġġudikaw.
Xi drabi miraklu jista' jseħħ meta eż. missier jieqaf jisma' lil ibnu jew lil bintu, jew omm li tibqa tħobb minkejja ċ-ċirkustanza li tkun kuntrarja.
Jew meta koppja tgħażel li terġa tibda mill-ġdid.
Ġesu' jwiegħed hekk: "U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem."
Setenza ta' kuraġġ kbir, għax qed jgħidilna li mhux ser iħallina nissieltu waħedna. Hu qiegħed hemm fil-ħajja tagħna ta' kuljum; waqt li qed nieklu, fid-diffikultajiet, fil-mard, fid-diżgwid, fil-maħfra etċ . .
Ġesu' illum qed ifakkrek li m'intix abbandunat/a !
Anke jekk ir-relazzjoni sejjra ħażin, anke jekk il-fidi tinħass dgħajjfa, anke meta tħossok imtaqqal.
Ġesu' għadu qed iħabbat il-bieb tal-qalb tiegħek, u meta tiftaħlu terġa tfeġġ it-tama, il-paċi tiżdied u l-qalb tibda tfiq.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.
Il-Kelma tal-Mulej
Ġesu jkompli d-diskors tiegħu fiċ-ċenaklu, u naqraw biċċa oħra mit-Testment tiegħu. Huma kliem ta’ mħabba tal-Għarus lill-għarusa tiegħu (il-Komunita’). Il-kelma “tħobb” insibuha 26 darba f’dan it-Testment imqassam f’ħames kapitli.
“Jekk tħobbuni…..” Ġesu jitlob l-imħabba tagħna lejh seba’ darbiet f’dawn il-kapitli. “Tħobbuni” żgur mhux xi sentimentaliżmu, imma “min irid jgħaqqad ħajtu ħaġa waħda ma’ Tiegħi” – l-istess kif għarus jitlob lill-għarusa tgħaqqad ħajjitha ma’ ħajtu fi proġett ta’ mħabba “sa mal-mewt tifridna”.
“Tħarsu l-Kmandamenti Tiegħi,” mhux biss l-għaxra tas-soltu imma li ngħixu kemm jista’ jkun kif għex Hu – għotja għall-oħrajn.
Il-ħajja ta’ żagħżugħ tinbidel ta’ taħt fuq hekk kif jiġġennen wara tfajla: jibda jagħmel kollox biex jogħġobha, jilbes aħjar, jistudja, jistinka u jaħdem aktar. Għax imħabba sinċiera bħal din tiġġenera ħafna enerġija.
Meta wieħed isir iħobb tassew lil Ġesu jagħmel l-istess. Ftit vrus qabel ma qal “tħarsu l-Kmandamenti” kien għadu kif qalilhom: “Nagħtikom bħala rigal kmandament ġdid (ġdid fis-sens li se jieħu post l-oħrajn kollha ta’ qablu): li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Minn dan jgħarfukom li intom dixxipli Tiegħi.” Dan hu kmand wieħed li mhux se jiġi imponut minn barra bħal dawk tal-liġi l-qadima.
Dil-ħajja tal-Imħabba mogħtija lilna bħala rigal mill-Missier Etern, hi l-istess Imħabba li sostniet lil Ġesu tul ħajtu u hija l-istess spirtu mogħti lilna biex isir kmandament fina, u nobduh mhux għax bil-fors, imma sforz l-identita tagħna ta’ wlied Alla. Bħal Ġesu li obda sal-mewt mhux imħabba xi kmandament li ġie mpost fuqu minn barra, imma għax kien dan l-ispirtu fih li qanqlu biex jagħti ħajtu minn rajh, għax din hi l-Ħajja Divina: ir-rigal tal-Imħabba.
Fil-fatt il-messaġġ kollu ta’ Ġesu jista’ jinġabar f’din il-kelma waħda: “Ħobbu!” Dan ma jitwettaqx b’azzjoni waħda imma b’diversi, i.e. kull mument ta’ ħajti jien irrid nagħżel il-mod kif se nħobb l-aktar. Fl-innu għall-imħabba ta’ San Pawl insibu li l-imħabba taf tadatta ruħha għal kull sitwazzjoni. Min iħobb bħal Ġesu jaf x’iferraħ il-proxxmu u x’jgħinu biex jitbissem u jħossu tajjeb.
“Tħarsu l-Kmandamenti…” tħarsu, i.e. iżżommuhom f’qalbkom, ikunu l-ħin kollu għad-dispożizzjoni tagħkom biex, malli jinqala’ l-bżonn, tirreferu għalihom. F’kelma waħda nagħmluhom parti minna, mill-istess ħajja tagħna.
Il-konsegwenza ta’ min jagħmel hekk hi li jkun disponibbli biex jirċievi l-Ispirtu s-Santu: “u Hu jagħtikom Difensur”, dak li se jkun viċin tagħkom biex jiddefendikom mill-inklinazzjonijiet u xewqat ħżiena. Dment li Ġesu kien fid-dinja, Hu kien id-Difensur tal-Appostli. Imma issa li sejjer, qed iwiegħed Difensur, Konsolatur li se jibqa’ magħna għal dejjem. Dan hu l-Ispirtu tal-verita, dak li se jgħinna nimxu mhux fil-gideb imma fis-sewwa, ngħixu ħajja vera, awtentika. L-anqas iħallina nidħku bina nfusna.
Nieħdu tnejn min-nies li jkollhom xi jgħidu fuq xi ħaġa. Jgħollu leħinhom, iħarsu b’qilla, u forsi jaslu biex jaħbtu għal xulxin. Din mhix imġieba umana imma bestjali. Il-bniedem veru jiddi minnu dak li jikkaratterizzah: imbuttat mill-Ispirtu li jgħix fih, jagħmel kollox bl-imħabba. Fil-fatt, kull azzjoni li mhix ġejja mill-imħabba hija gidba.
….”li d-dinja ma tistax tilqgħu..” Mhux qed jgħid għall-oħrajn imma għal dik il-parti fija li tkompli tixxennaq għall-poter, regħba, eċċ u li tipprova tfixkel ir-rapport tiegħi ta’ servizz għall-oħrajn. Din is-sħaba sewda tinsab f’kull wieħed minna u tkun trid toħnoq il-miġja tas-Saltna l-ġdida, i.e. is-saltna tal-ħrief mhux tal-ilpup.
“…iżda intom tagħarfuh, għax jiġi jgħammar fikom.” L-Appostli għadhom kif raw lil Ġesu jaħslilhom riġlejhom, joffri l-id tal-ħbiberija lil Ġuda, iqawwi qalb Pietru. Dan l-Ispirtu jafuh għax rawh jaħdem fi Kristu. Il-Qawwa ta’ dan l-istess Spirtu se tgħaddi għal għand l-Appostli, Qawwa li tgħinhom u tgħallimhom kif għandhom iħobbu.
“Ma nħallikomx iltiema”. Iltim u armel hu dak li sofra firda ta’ xi ħadd għażiż. Ġesu jserraħ moħħ l-Appostli (u aktar tard lill-Komunita’ Nisranija) li fuq il-Kalvarju se jmut il-ġisem li kien limitat bħal ta’ kull bniedem ieħor. Imma issa se jerġa’ jiġi u jkun preżenti f’ħajjithom b’ġisem ġdid, glorjuż u bla limiti. Se jkun preżenti l-ħin kollu magħna għax ma jkollux bżonn mistrieħ jew irqad.
“Ftit ieħor u d-dinja ma taranix aktar, ma tarax il-ġisem antik tiegħi. Imma intom għad tarawni bil-ġisem il-ġdid, għax jien ngħix. U din il-ħajja se ngħaddiha lilkom.” Din se tkun il-mixja ta’ kull Nisrani li kuljum jiskopri dejjem aktar xi tfisser il-ħajja ta’ Kristu (l-Għarus) mogħtija lill-Komunita’ (l-Għarusa) bħala don.
“Dak in-nhar intom tagħarfu li jien f’Missieri u intom fija u jiena fikom.” Dan hu l-għan ta’ kull Quddiesa: l-għaqda tal-membri tal-Komunita bejniethom, u l-għaqda tal-Komunita fit-Trinita’. Wara kollox il-Quddiesa hija ikla ta’ tieġ “ - ‘Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda TAT-TIEĠ tal-Ħaruf’. Qalli: ‘Dan hu kliem tassew ta’ Alla’”(Apok: 29, 7-9). Kristu li hu wieħed jiġi fina li aħna ħafna. U aħna li aħna ħafna nsiru ħaġa waħda permezz ta’ Kristu (Communion = union of the Community).
“Min għandu l-Kmandamenti tiegħi …dan hu li jħobbni.” Dan id-diskors ta’ Ġesu, għalkemm imsejjaħ minn xi wħud bħala Testment, mhux xi tmiem imma bidu.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
Ġesu’ jkompli bid-diskors tiegħu fl-Aħħar Ċena. Ġwanni jpoġġi xi mistoqsijiet f’fomm id-dixxipli. Ħafna minna żgur li xi drabi saqsejnihom lill-Mulej.
Pietru jistaqsi: “Fejn sejjer, Mulej? Għax ma nistax niġi miegħek issa?” (Ġw 13, 36-37).
Tumas: “Mulej, aħna ma nafux fejn sejjer, kif nistgħu nkunu nafu t-triq?” (14, 5).
Filippu: “Mulej, urina l-Missier u jkun biżżejjed għalina” (14, 8).
Ġesu’ jwieġeb: “Min ra lili ra l-Missieri,” i.e. min jikkuntempla l-wiċċ ta’ Kristu, jasal biex jagħraf lill-Missier.
“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti.” Dal-verb ‘tħobb’ insibuh erba’ darbiet f’dis-silta. Bil-Grieg, agapann (agape) rari nsibuh fil-letteratura klassika, għax dil-kelma tfisser “tħobb bla kundizzjonijiet,” jiġifieri kif iħobb Ġesu’. Hawn insibu l-unika darba fejn Ġesu’ jitlob li nħobbuh.
Mhux qed jitlob imħabba egoista fejn jien inħobb dment li naqla’ l-favuri: jekk ma naqlax, ma nħobbx. Għal kuntrarju Ġesu’ jixtieq li jien norbot ħajti ma’ tiegħu, kif twiegħed għarusa lill-għarus nhar it-tieġ. Minn dak il-jum ‘il quddiem, jgħixu f’sintonija perfetta flimkien. Din l-imħabba nuruha bil-fatti: nisqu l-għatxana, nitimgħu il-foqra, naħfru, eċċ. u jkun jistħoqqilna dal-kliem: “Jien inħobbu u nurih lili nnifsi” (14, 21).
Ġuda, mhux l-Iskarjota, ikkummenta għal dal-kliem: “Kif se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?” Aktarx ried li Ġesu’ jsir popolari ħafna. Ġesu’ wieġbu: “Jien nuri ruħi lil min ikollu relazzjoni ta’ mħabba ġeneruża miegħi.” Bil-kelma ‘dinja’ Ġwanni jifhem dawk li jgħixu l-oppost tat-tagħlim ta’ Ġesu’. “Min iħares kelmti, Missieri jħobbu,” għax min ikun f’sintonija ma’ Ġesu’, jagħmel l-istess mal-Missier, għax Alla huwa mħabba.
Mhux biss, imma “aħna niġu u ngħammru għandu.” Ġieli smajt li jien Tempju tat-Trinita’ Qaddisa. Dan ma jfissirx li jien xi kaxxa jew urna fejn inpoġġi t-Trinita’ u daqshekk, imma jfisser li kull laqgħa li jkolli m’Alla tħalli sinjali ċari tal-preżenza tal-Ispirtu t’Alla fija. Meta nħallu lid-Divin jidħol fina u jesprimi ruħu, dan tant ikun evidenti li jkun jista’ jarah kulħadd mill-mod kif nitkellmu u nġibu ruħna. L-aġir tagħna jkun differenti minn ta’ dawk li jimxu fuq il-kriterji tad-dinja. Ġesu’ wegħidna li dejjem se jkun magħna. Hu preżenti fil-komunita’ qabel u wara l-Quddiesa, preżenti fl-Ewkaristija, fil-fqir, “fejn tnejn jew tlieta…..” Ġwanni llum qed jagħmel enfasi li Ġesu’ hu preżenti f’kull dixxiplu, għax il-mixja tiegħu, it-tbissima, kliemu, ħsibijietu u l-imġieba tal-appostlu huma kollha bħal ta’ Ġesu’.
“Se nibagħtilkom Difensur, Konsolatur.” Paraklitu tfisser “dak li joqgħod viċin tiegħek.” Għamel hekk Ġesu’ mad-dixxipli tiegħu, imma issa li sejjer, biex ma jħallihomx orfni, se jibagħtilhom Paraklitu ieħor.
Dan mhux isem ieħor għall-Ispirtu s-Santu imma jiddeskrivi r-rwol li jaqdi., dak li jkun dejjem preżenti f’ħajjitna.
Meta żmien ilu kulħadd kien prattikanti, dil-preżenza kont tħossha bħala ħaġa naturali. Illum, in-Nisrani ġenwin irid jagħmel sforz biex ikun konxju ta’ dil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Jekk le, nistgħu nħossuna waħedna, l-aktar meta naqdfu kontra l-kurrent jew insibu min jidħak bina meta nistqarru safa qabel iż-żwieġ, fedelta’ fiż-żwieġ, maħfra tal-għedewwa, eċċ.
F’dawn il-mumenti, meta nisimgħu fina vuċi li tgħidilna: “Tagħtix kashom lil dawk: huma qegħdin fl-iżball. Int qiegħed fit-triq it-tajba. Kompli hekk”: din tkun il-vuċi tal-Ispirtu s-Santu, li qiegħed il-ħin kollu qrib tagħna. Jiħtieġ li nagħtu widen għal dil-vuċi tad-Difensur, li jiddefendina minn xi vuċi oħra li tħajjarna biex nagħmlu għażla ħażina, bħall: “La kulħadd qed jagħmel hekk, mela, biex ma jgħajrunix stramb u moħħi magħluq, ħa nagħmel bħalhom.”
Nisimgħu ħafna ilħna oħra kuljum (min jgħajjat l-iktar): (i) “Din id-dinja ġdida ta’ mħabba gratuwita li fassal Ġesu’ hi biss ħolma”; (ii) “L-infern ma jeżistix, mela gawdi kemm tiflaħ issa.” Il-vuċi li tgħidilna niċħdu għidut bħal dawn, u tfaħħarna għax qed inħallu lil Kristu jgħix ġo fina u f’ħajjitna, hi l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu.
“Hu jgħallimkom kollox.” Dan it-tagħlim mhuwiex xi tejorija li titgħallem bl-amment. Dat-taħriġ se joħroġ mill-qalb ġdida li ħadna meta lqajna l-proġett ta’ Kristu għal dinja ġdida ta’ mħabba, u b’hekk writna l-ħajja Divina. Dil-qawwa tixprunana biex inġibu ruħna ta’ ulied Alla, jiġifieri li nħobbu bla kundizzjoni. Bħal fjura li, biex tarmi l-fwieħa ma tistenniex xi kmand, imma tfuħ mill-istess natura tagħha. Bl-istess mod dan it-tagħlim joħroġ minna bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, u l-imħabba ma tibqax kmand imma ssir għalina ħaġa naturali.
“Hu jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.” Ġesu’ qal lid-dixxipli dak kollu li hu essenzjali. L-Ispirtu ma jżid xejn ma’ dan, imma l-ħin kollu jfakkarna xi tagħlima ta’ Ġesu’ l-aktar meta jkollna bżonnha. Faċli, imħabba x-xogħol u taħbit ieħor tal-ħajja, nittraskuraw it-talb, il-Quddies u l-qari tal-kelma t’Alla. Meta nagħmlu hekk, ninsew min aħna tassew, ninsew li aħna ulied Alla.
L-Ispirtu jżomm ħaj fina l-identita’ tagħna ta’ ulied Alla u jiġbdilna l-attenzjoni meta ma nġibux ruħna bħala tali.
“Inħallilkom is-sliem.” Il-paċi tad-dinja hija waqfa bejn żewġ gwerer. Ir-Rumani kienu jżommu l-paċi b’forza ħarxa u billi jirriduċu l-mirbuħin fi skjavi. Għal kuntrarju, il-paċi ta’ Kristu hi dik ta’ soċjeta’ alternattiva fejn m’hemm l-ebda barriera u skjavitu’, u fejn kull membru hu attent għall-bżonnijiet u l-ferħ tal-ieħor.
“Tħallux qalbkom titħawwad. Jien sejjer imma nerġa’ niġi għandkom b’eżistenza ġdida, għax ma nibqax bil-limitazzjonijiet li għandi issa bħala effett tal-inkarnazzjoni: limiti ta’ spazju u ħin, ġuħ, għatx, għeja, ngħas, eċċ. Wara li nirxoxta, ma jkollix aktar dawn il-limitazzjonijiet. Mela, issewdux qalbkom imma ifirħu.”