Meta Pixel Code

Showing posts sorted by date for query Ġw 6, 51-58. Sort by relevance Show all posts
Showing posts sorted by date for query Ġw 6, 51-58. Sort by relevance Show all posts

05 June 2026

Meta Ġesù jsir ikel għalina: Riflessjonijiet minn Roderick Agius fuq Ġw 6:51-58


Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù jgħid kliem b'saħħtu ħafna: “Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew.”

Onestament, dan mhux kliem ħafif. Anke fi żmien Ġesù kien hemm min ma fehmux. Kien hemm min tħawwad. Kien hemm min qal: “Kif jista’ jagħtina ġismu biex nikluh?”

U forsi anke llum, hawn ħafna persuni qed jistaqsu: Il-Quddiesa u t-Tqarbin x’għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tiegħi ta’ kuljum?

X’għandhom x’jaqsmu max-xogħol, l-għeja, l-istress, ir-relazzjonijiet tiegħi, il-futur, il-biżgħat, id-deċiżjonijiet, iż-żwieġ, il-familja?

Għandhom x’jaqsmu ħafna. Għax Ġesù ma ġiex biex ikun idea sabiħa. Ġie biex ikun ħajja ġewwa fina. Meta nitqarbnu, ma nirċevux simbolu vojt. Nirċievu lil Kristu ħaj, li jixtieq jidħol fil-ħajja tagħna u jbiddilha minn ġewwa.


Il-Quddiesa Ma Tispiċċax Fil-Knisja.

Kultant nagħmlu żball. Naħsbu li l-Quddiesa tibda u tispiċċa fil-Knisja. Immorru, nisimgħu, nitqarbnu, noħorġu u nerġgħu lura għall-istess rutina.

Imma nistaqsi:  

Jekk irċevejt lil Ġesù fija, dan jidher fil-mod ta' kif nitkellem?  

Jidher fil-mod ta' kif nittratta lil min inħobb?  

Jidher fil-mod ta' kif Jiena naħfer?  

Jidher fil-mod kif Jiena nieħu d-deċiżjonijiet?


Dan għaliex kull tqarbina titlob minna impenn serju. Mhux biex insiru perfetti f’daqqa. Imma biex inħallu lil Ġesù jibda jbiddilna u jiffurmana bil-mod.

Immaġina koppja. It-tnejn jaħdmu. It-tnejn għajjenin. It-tnejn għandhom it-toqol u l-istress tagħhom. Kontijiet, loan, xogħol, familja, pjanijiet għal futur jew forsi tfal żgħar.

Il-Ħadd imorru l-Quddiesa. Jitqarbnu. Imma t-Tnejn filgħodu, jerġgħu jibdew l-istess tensjonijiet. Min se jagħmel ix-xirja? Min qed jagħti l-aktar fir-relazzjoni? Għaliex dejjem jien? Għaliex qatt ma tifhimni?

U hawnhekk jidħol Ġesù Ewkaristija.

Għax jekk Ġesù sar ikel għalija, allura jien imsejjaħ insir ikel għall-persuna l-oħra. Mhux fis-sens stramb tal-kelma, imma fis-sens li nsir sostenn, preżenza, paċenzja, għajnuna u mħabba.

Forsi wara t-Tqarbin, l-ewwel miraklu mhux li tinbidel il-persuna l-oħra. Forsi l-ewwel miraklu jkun li ninbidel Jiena u r-reazzjoni tiegħi mal-persuni ta' madwari.

Din il-bidla jaf tkun li nieqaf qabel ma ngħaġġel u nirrabja, nisma’ qabel nirrispondi jew nagħżel li nkun minn ta' quddiem li niskuża ruħi flok nistenna li dejjem jibda ħaddieħor. Din hi Ewkaristija li ssir ħajja!

Illum huma ħafna dawk li għandhom kollox u xorta jħossu vojt. Eż. online għandi ħafna friends imma relazzjonijiet profond ftit li xejn. Ħafna divertiment, imma ftit paċi. Ħafna għażliet imma ftit direzzjoni. Ħafna storbju iżda skop ta' xejn. 

Ġesù jgħid: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj.”

Fi kliem ieħor: dak li qed tistenna ġewwa fik mhux ser jimtela biss b’aktar likes, aktar flus, aktar ħruġ, aktar xiri, jew aktar distrazzjoni.

Dawn l-affarijiet jistgħu jkunu tajbin f’posthom. Imma ma jistgħux jitimgħu r-ruħ.

Il-qalb tagħna, Alla biss jista' jimliha!

Mhux Ħobż Biss

Ġesù jgħidilna li min jiekol minnu jgħix bih. Dan ifisser li l-ħajja Nisranija ma tistax tibqa’ biss drawwa.

Ma nistax nitqarben u mbagħad nibqa’ nżomm ġewwa qalbi.  

Ma nistax nitqarben u mbagħad nitkellem b’disprezz.  

Ma nistax nitqarben u mbagħad ngħix bħallikieku Alla m’għandux x’jaqsam mad-deċiżjonijiet tiegħi.

Ġesù ma jidħolx fina biex jibqa’ msakkar hemm. Jidħol fina biex joħroġ minna fl-imħabba. F'kull mument ta' ħajjitna. Fid-dar, fir-relazzjonijiet, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb, online etċ.

Nistaqsi - Meta Jiena nitqarben, qiegħed inħalli lil Ġesù jibdilni?

Il-Quddiesa tal-Ħadd qed tħalli effett fil-ħajja ta' kuljum?

Fir-relazzjonijiet tiegħi, qiegħed inkun aktar paċenzjuż, aktar ġenwin,jew aktar kapaċi nisma’?

Il-fidi tiegħi qed ngħixa bħala drawwa, jew bħala relazzjoni ma’ Ġesù?

Qiegħed nitma’ ruħi b’dak li jibni, jew b’dak li jħallini vojt?


Ftakar dejjem: Ġesù ma sarx ħobż biex jibqa’ ’l bogħod minnek. Sar ħobż biex jidħol fik u jsir parti minnek.

Jidħol fl-għeja tiegħek. Jidħol fid-deċiżjonijiet tiegħek. Jidħol fil-biża’ tiegħek. Jidħol fil-ġuħ ta’ ġewwa li forsi ilek tipprova timla b’kollox barra biH.

U meta Ġesù jsir ikel għalina, aħna nitgħallmu nsiru rigal għall-oħrajn.

Talba

Mulej Ġesù, inti l-Ħobż il-Ħaj.  Għallimni nirċevik mhux bħala drawwa, imma b’qalb miftuħa.  

Ibdel fija dak li jeħtieġ jinbidel.  Għinni ngħix il-Quddiesa mhux biss fil-Knisja, imma fid-dar, fir-relazzjoni tiegħi, fuq ix-xogħol u mal-oħrajn.  

Agħmilni persuna li twassal il-paċi, il-maħfra u l-imħabba tiegħek.  

Ammen.

01 June 2026

Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew. - Studju Bibbliku Ġw 6:51-58 - l-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena / Il-Ġisem u d-Demm Għażiż tal-Mulej.

 



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”.

Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.

Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Il-festa ta’ Corpus twaqqfet wara li qamu ħafna disputi fuq il-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, u wara li bdew ħafna devozzjonijiet, xi wħud tajbin, imma oħrajn tbiegħdu mis-sens veru ta’ dal-misteru.  Għal din l-awtentiċita rridu mmorru għas-sors ta’ dan id-diskors, u għall-ġest li għamel Ġesu’ fl-Aħħar Ċena.  

Sinifikattiv ħafna l-fatt li Ġesu’ ma waqqafx dan is-Sagrament f’kuntest reliġjuż, fit-Tempju jew f’xi sinagoga, imma f’kuntest pjuttost profan – waqt ikla.   Irridu nfarfru t-trab u nnaddfu s-sadid li trabba matul is-sekli fuq dan is-suġġett. 

Dan il-kliem Ġesu’ qalu fis-sinagoga ta’ Kafarnaum.   Kien għadu kif tema’ l-5000 ruħ bil-ħobż.

 “Jien Hu l-ħobż li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”   Din l-eternita’ ma tfissirx it-tul tal-ħin jew taż-żmien, imma tfisser il-Ħajja tal-Etern.  

Min jitqarben jirċievi u jibda jgħix il-ħajja tal-Etern, il-Ħajja Divina.

Ġwanni juża’ żewġ verbi:  “fagejn” li tfisser “tiekol” u li jużaha ħdax-il darba f’dan il-kapitlu; “trogejn” li tfisser “tomgħod, titħan” li jużaha erba’ darbiet (Kemm morna żmerċ meta kienu jgħidulna li jekk tigdem l-Ostja tagħmel dnub).  Mela nomogħdu mhux nibilgħu: bħal meta wieħed iwissik u int ikollok bżonn tomgħod dak li qallek biex jinżillek sew u jħalli effett fik.  

Imbagħad Ġwanni juża’ l-verb “tixrob” tliet darbiet.  Dawn huma verbi konkreti li jgħaddulna l-messaġġ li, l-ewwel u qabel kollox, l-Ewkaristija mhux qiegħda hemm biex noqogħdu nħarsu lejha, nikkontemplawha  jew nadurawha, imma biex nikluha u nixorbuha. 

Ġesu’ jrid li, kif il-ħobż u ikel ieħor jiġi assimilat mill-ġisem, hekk ukoll Hu jixtieq li jiġi assimilat fina.  Mela ejjew nevitaw diskors bħal meta ngħidu li Ġesu’ hu priġunier fit-Tabernaklu,  u ħa noqgħodu ħdejH ħa nżommulu kumpannija u nikkunslawH.  Dan hu kliem bla sens.  

L-anqas tagħna l-Ewkaristija biex jibqa’ viċin tagħna.  Ġesu’ dejjem qrib tagħna, mhux fl-Ewkaristija biss.  

Mela, L-EWKARISTIJA QIEGĦDA BIEX NIKLUHA.  Qed nisħaq fuq dan għax kien Ġesu’ stess li saħaq fuq dan għal ħmistax-il darba.

Is-silta tal-lum hija l-konklużjoni tad-diskors kollu.  Ġesu’ jħabbar li aktar tard se jwaqqaf dan is-sagrament.  Il-kelma Tiegħu flimkien mal-Ġisem Tiegħu se jsiru ikel għall-bniedem. Dan hu ikel li ma jispiċċax, imma jibqa’ ħaj biex jagħti l-ħajja lil min jirċevieh. 

Din hi l-Ħajja tal-Etern, li trid tkompli dejjem tikber u tiżviluppa permezz tal-Kelma ta’ Ġesu’.  Inkella tikber biss il-ħajja bijoloġika. 

L-Iben t’Alla, l-Etern li jiġi ġo fina jrid jikber billi nilqgħu l-Kelma Tiegħu, il-Messaġġ Tiegħu, l-Evanġelju.  Min sema’ dan id-diskors żgur ftakar fil-Kliem: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla.”  Issa dil-“Kelma” ġiet inkarnata fil-persuna ta’ Ġesu’.  B’hekk in-nies mhux biss semgħu il-Kelma, imma raw l-Awtur tal-Kelma, l-Iben t’Alla.

“U l-ħobż li jiena nagħti huwa Ġismi għall-ħajja tad-dinja.”  Hawn Ġesu’ għadu mhux qed jitkellem fuq l-Ewkaristija.  Jidħol f’dan is-suġġett bil-mod il-mod.  Fil-ħsieb semitiku, “ġisem” ifisser il-persuna bid-difetti u dgħufija tagħha, destinata għall-mewt.  Ġesu’ wkoll ħa ġisem destinat għall-mewt. 

Il-messaġġ li ġabilna mis-sema hu preżenti fiH u qed isostni l-fraġilita’ Tiegħu bħala bniedem.  In-nies fehmu li Ġesu’ qed jgħidilhom biex jaċċettaw il-messaġġ Tiegħu biss.   Allura issa Ġesu’ jintroduċi l-Ewkaristija.  Jitkellem ċar u jixxokkja l-mentalita’ Semitika tal-Lhud. 

“Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.”  Li Lhudi jixrob id-demm kienet ħaġa ripunjanti ħafna.  Mela hemm bżonn immorru għall-Aħħar Ċena fejn Ġesu’ ħa ftit ħobż u qal: “Dan hu ġismi (Ġwanni biss jgħid “laħmi”)”, li tfisser, mhux daqstant li l-ħobż isir il-Ġisem ta’ Ġesu’ daqskemm Ġesu’ isir ħobż biex jagħmilha possibbli biex nikluH.  

Fil-fatt ħajtu kollha kienet rigal ta’ ħobż biex imantnina.  X’se nagħmlu b’dan ir-rigal mibdul taħt l-ispeċi ta’ ħobż u nbid?   Nikluh biex isostnina u jqawwina fil-vjaġġ tagħna.

“Dan hu ġismi,” jiġifieri, “Dan hu Jien.”  L-Appostli ma fehmu xejn dak in-nhar.  Fehmu aktar tard.  

Irridu noqogħdu attenti kif inkellmu lill-oħrajn, l-aktar lit-tfal, fuq l-Ewkaristija.  Hawn min jgħallem li fl-ostja kkonsagrata hemm Ġesu’ bil-laħam, id-demm u l-għadam ; dan kollu moħbi  taħt forma ta’ ħobż.

Aħjar ngħidu sempliċiment li Ġesu’ sar ħobż għalina biex inkunu nistgħu nikluh.  Imma min jitqarben irid ikun ippreparat  biex jassimila t-tagħlim kollu ta’ Ġesu’ u jfassal ħajtu fuqu.  Kull tqarbina titlob impenn serju.

“…. u jixrob demmi.” Hemm bżonn li kulħadd jifhem kemm hu mportanti li nitqarbnu bl-inbid ukoll, imqar billi nbillu l-ostja biex inħarsu l-iġjene.   Almenu kull nhar ta’ Ħadd. Għax id-demm ifisser il-ħajja.

Meta Mose’ ppreżenta l-għaxar Kmandamenti lill-poplu, qabad ftit demm u raxx ftit fuq l-artal u ftit fuq il-poplu.  B’hekk ġedded il-patt bejn Alla u l-poplu, fejn Alla wiegħed li jkun Alla tagħhom u huma se jkunu l-poplu fidil Tiegħu. 

Id-demm kien simbolu li Alla u l-poplu kellhom jaqsmu (sharing) ħajja waħda, demm wieħed.  Mela anki aħna, meta nixorbu d-demm ta’ Kristu, inkunu qed naqsmu ħajja waħda, spirtu wieħed.  

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ jgħammar fija, u jien ngħammar fih.”

Waqt tieġ, l-għarus isaqsi l-għarusa tridx tgħaqqad ħajjitha ma’ ħajtu.  Hi ssaqsi l-istess. Jagħtu ċ-ċrieket, sinjal ta’ mħabba bla tarf li għandhom għal xulxin.  Jiżżewġu u “t-tnejn isiru ġisem wieħed.”   Dan wara li jkunu saru jafu sew minn qabel lil xulxin.  Tqarbina tajba titlob li nkunu sirna nafu sew min hu Ġesu’ permezz tal-Kelma Tiegħu.  Qisu Ġesu’ qed jgħidli: “Issa li sirt tafni sew, kul dan il-ħobż, ixrob dan l-inbid, biex inkunu nistgħu naqsmu ħajjitna flimkien.”


09 June 2023

Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb - Studju Bibbliku Ġw 6:51-58 - Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu




F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.


Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.




Il-festa ta’ Corpus twaqqfet wara li qamu ħafna disputi fuq il-preżenza ta’ Ġesu fl-Ewkaristija, u wara li bdew ħafna devozzjonijiet, xi wħud tajbin, imma oħrajn tbiegħdu mis-sens veru ta’ dal-misteru.

Għal din l-awtentiċita rridu mmorru għas-sors ta’ dan id-diskors, u għall-ġest li għamel Ġesu fl-Aħħar Ċena. Sinifikattiv ħafna l-fatt li Ġesu ma waqqafx dan is-Sagrament f’kuntest reliġjuż, fit-Tempju jew f’xi sinagoga, imma f’kuntest pjuttost profan – waqt ikla. 



Irridu nfarfru t-trab u nnaddfu s-sadid li trabba matul is-sekli fuq dan is-suġġett. Dan il-kliem Ġesu qalu fis-sinagoga ta’ Kafarnaum. Kien għadu kif tema’ l-5000 ruħ bil-ħobż. “Jien Hu l-ħobż li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” Din l-eternita’ ma tfissirx it-tul tal-ħin jew taż-żmien, imma tfisser il-Ħajja tal-Etern. Min jitqarben jirċievi u jibda jgħix il-ħajja tal-Etern, il-Ħajja Divina.


Ġwanni juża’ żewġ verbi: “fagejn” li tfisser “tiekol” u li jużaha ħdax-il darba f’dan il-kapitlu; “trogejn” li tfisser “tomgħod, titħan” li jużaha erba’ darbiet (Kemm morna żmerċ meta kienu jgħidulna li jekk tigdem l-ostja tagħmel dnub). Mela nomogħdu mhux nibilgħu: bħal meta wieħed iwissik u int ikollok bżonn tomgħod dak li qallek biex jinżillek sew u jħalli effett fik.


Imbagħad Ġwanni juża’ l-verb “tixrob” tliet darbiet. Dawn huma verbi konkreti li jgħaddulna l-messaġġ li, l-ewwel u qabel kollox, l-Ewkaristija mhux qiegħda hemm biex noqogħdu nħarsu lejha, nikkontemplawha jew nadurawha, imma biex nikluha u nixorbuha. Ġesu jrid li, kif il-ħobż u ikel ieħor jiġi assimilat mill-ġisem, hekk ukoll Hu jixtieq li jiġi assimilat fina. Mela ejjew nevitaw diskors bħal meta ngħidu li Ġesu hu priġunier fit-Tabernaklu, u ħa noqgħodu ħdejH ħa nżommulu kumpannija u nikkunslawH. Dan hu kliem bla sens.


L-anqas tagħna l-Ewkaristija biex jibqa’ viċin tagħna. Ġesu dejjem qrib tagħna, mhux fl-Ewkaristija biss. Mela, L-EWKARISTIJA QIEGĦDA BIEX NIKLUHA. Qed nisħaq fuq dan għax kien Ġesu stess li saħaq fuq dan għal ħmistax-il darba.


Is-silta tal-lum hija l-konklużjoni tad-diskors kollu. Ġesu jħabbar li aktar tard se jwaqqaf dan is-sagrament. Il-kelma Tiegħu flimkien mal-Ġisem Tiegħu se jsiru ikel għall-bniedem. Dan hu ikel li ma jispiċċax, imma jibqa’ ħaj biex jagħti l-ħajja lil min jirċevieh. Din hi l-Ħajja tal-Etern, li trid tkompli dejjem tikber u tiżviluppa permezz tal-Kelma ta’ Ġesu. Inkella tikber biss il-ħajja bijoloġika. L-Iben t’Alla, l-Etern li jiġi ġo fina jrid jikber billi nilqgħu l-Kelma Tiegħu, il-Messaġġ Tiegħu, l-Evanġelju.


Min sema’ dan id-diskors żgur ftakar fil-Kliem: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla.” Issa dil-“Kelma” ġiet inkarnata fil-persuna ta’ Ġesu. B’hekk in-nies mhux biss semgħu il-Kelma, imma raw l-Awtur tal-Kelma, l-Iben t’Alla.

U l-ħobż li jiena nagħti huwa Ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Hawn Ġesu għadu mhux qed jitkellem fuq l-Ewkaristija. Jidħol f’dan is-suġġett bil-mod il-mod.

Fil-ħsieb semitiku, “ġisem” ifisser il-persuna bid-difetti u dgħufija tagħha, destinata għall-mewt. Ġesu wkoll ħa ġisem destinat għall-mewt. Il-messaġġ li ġabilna mis-sema hu preżenti fiH u qed isostni l-fraġilita Tiegħu bħala bniedem. In-nies fehmu li Ġesu qed jgħidilhom biex jaċċettaw il-messaġġ Tiegħu biss. Allura issa Ġesu jintroduċi l-Ewkaristija. Jitkellem ċar u jixxokkja l-mentalita’ Semitika tal-Lhud.

Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.” Li Lhudi jixrob id-demm kienet ħaġa ripunjanti ħafna. Mela hemm bżonn immorru għall-Aħħar Ċena fejn Ġesu ħa ftit ħobż u qal: “Dan hu ġismi (Ġwanni biss jgħid “laħmi”)”, i.e. mhux daqstant li l-ħobż isir il-Ġisem ta’ Ġesu daqskemm Ġesu isir ħobż biex jagħmilha possibbli biex nikluH. Fil-fatt ħajtu kollha kienet rigal ta’ ħobż biex imantnina. X’se nagħmlu b’dan ir-rigal mibdul taħt l-ispeċi ta’ ħobż u nbid? Nikluh biex isostnina u jqawwina fil-vjaġġ tagħna.

Dan hu ġismi,” jiġifieri, “Dan hu Jien.” L-Appostli ma fehmu xejn dak in-nhar. Fehmu aktar tard. Noqogħdu attenti kif inkellmu lill-oħrajn, l-aktar lit-tfal, fuq l-Ewkaristija. Hawn min jgħallem li fl-ostja kkonsagrata hemm Ġesu bil-laħam, id-demm u l-għadam ; dan kollu moħbi taħt forma ta’ ħobż. Aħjar ngħidu sempliċiment li Ġesu sar ħobż għalina biex inkunu nistgħu nikluh. Imma min jitqarben irid ikun ippreparat biex jassimila t-tagħlim kollu ta’ Ġesu u jfassal ħajtu fuqu. Kull tqarbina titlob impenn serju.
…. u jixrob demmi.” Hemm bżonn li kulħadd jifhem kemm hu mportanti li nitqarbnu bl-inbid ukoll, imqar billi nbillu l-ostja biex inħarsu l-iġjene. Almenu kull nhar ta’ Ħadd. Għax id-demm ifisser il-ħajja.

Meta Mose’ ppreżenta l-għaxar Kmandamenti lill-poplu, qabad ftit demm u raxx ftit fuq l-artal u ftit fuq il-poplu. B’hekk ġedded il-patt bejn Alla u l-poplu, fejn Alla wiegħed li jkun Alla tagħhom u huma se jkunu l-poplu fidil Tiegħu. Id-demm kien simbolu li Alla u l-poplu kellhom jaqsmu (sharing) ħajja waħda, demm wieħed. Mela anki aħna, meta nixorbu d-demm ta’ Kristu, inkunu qed nixxerjaw ħajja waħda, spirtu wieħed.

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ jgħammar fija, u jien ngħammar fih.” Waqt tieġ, l-għarus isaqsi l-għarusa tridx tgħaqqad ħajjitha ma’ ħajtu. Hi ssaqsi l-istess. Jagħtu ċ-ċrieket, sinjal ta’ mħabba bla tarf li għandhom għal xulxin.

Jiżżewġu u “t-tnejn isiru ġisem wieħed.” Dan wara li jkunu saru jafu sew minn qabel lil xulxin. Tqarbina tajba titlob li nkunu sirna nafu sew min hu Ġesu permezz tal-Kelma Tiegħu. Qisu Ġesu qed jgħidli: “Issa li sirt tafni sew, kul dan il-ħobż, ixrob dan l-inbid, biex inkunu nistgħu naqsmu ħajjitna flimkien.

Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form