Meta Pixel Code

14 July 2025

Marta laqgħetu għandha. Marija għażlet l-aħjar sehem. Studju Bibbliku Lq 10:38-42 - Is-Sittax-il Ħadd ta' matul is-Sena Ċ

 


F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Il-Kelma tal-Mulej.


Betanja tinsab tliet kilometri ‘il bogħod minn Ġersualem, in-naħa ta’ Lvant tal-Ġetsemani.  Hawn kienet toqgħod familja mhux tas-soltu: tliet aħwa mhux miżżewġin. Skont Luqa u Ġwanni, din kienet xempju ta’ komunita’ li tilqa’ lil Ġesu’ u l-Vanġelu tiegħu. F’Ġerusalem, Ġesu’ kien jikkumbatti mal-Iskribi u l-Fariżej għax, b’ras iebsa, riedu jkomplu bil-prattika tar-reliġjon kif fassluha huma.  Din ħaġa li m’għoġbitx lill-Missier.  Minn flok,  riedhom jagħtu aktar importanza  lill-bżonnijiet tal-proxxmu, kif rajna l-Ħadd li għadda.

Wara jum tipiku bħal dan għal Ġesu’, kien jiħtieġ x’imkien fejn jiġi milqugħ f’ambjent familjari, fejn isib min  jaċċettah u jifhem il-missjoni tiegħu x’inhi tabilħaqq, fejn iħossu maħbub u mgħannaq minn dawk li jaqblu miegħu u japprezzawh. 

Il-Missier qed jippreżenta ‘l Ġesu’ bħala wieħed li għandu bżonn l-ospitalita’.  Jekk f’mument ta’ talb intimu fis-silenzju kellna nsaqsu lill-Missier kif jaħsibha fuq il-problemi tagħna (gwerer, vjolenza, faqar, eċċ), żgur iweġibna li Hu mhu xejn indifferenti (kif jaħsbu xi wħud) imma Hu nvolut passjonatament u infinitament f’kulma jiġri lill-bniedem.  Fis-silta tal-lum qed naraw f’Ġesu’ dak Alla li jixtieq ikun milqugħ, mismugħ u kkunslat fl-emozzjoni ta’ mħabba li għandu għall-bniedem.  

“Ġesu daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara.”  Ġwanni jsemmi lil Lazzru, imma Luqa le.  Dak iż-żmien, ma kinitx ħaġa li raġel jilqgħuh żewġ nisa f’darhom.  Dan biex Luqa jurina li, fejn jidħol il-Vanġelu, tispiċċa kull diskriminazzjoni u preġudizzju. Il-kultura pagana li tiddiskrimina bejn raġel u mara tiġi eliminata, għax din mhux f’sintonija mal-identita’ tal-bniedem.  Hawn qed naraw ‘l Alla li jixtieq ikun milqugħ fid-dar ta’ qalbna: “Ara, jien fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jiftaħli, jiena nidħol niekol miegħu.”  Alla tagħna mhuwiex  xi mħallef fuq it-tron li jiddeċiedi jekk jew meta se  jgħinna,  imma qed jurina f’Ġesu’ ta’ Nazaret li għandu bżonn jiġi f’qalbna biex nagħmlu festa flimkien. 

“Marija niżlet bil-qiegħda f’riġlejn Ġesu’.”  Il-Lhud ma kellhomx siġġijiet dak iż-żmien. Mela Marija poġġiet fl-art fuq xi tapit żgħir.

“F’riġlejn Ġesu’” tfisser li kienet dixxiplu. “Jien poġġejt f’riġlejn Gamaljel” (S. Pawl f’Damasku).  

Ir-Rabbini kienu jgħidu: 

(i) “Aħjar naħarqu l-Bibbja milli nagħmlu mara dixxiplu.”  

(ii) “In-nisa fis-sinagoga qis li ma jidhrux.”  

Dawn l-idejat daħlu wkoll fil-Knisja tal-bidu: “Fl-assemblea n-nisa qis li ma jitkellmux” (Kor.)  L-ewwel Insara kienu għadhom ma fehmux sew kemm Ġesu’ xtaq ikun milqugħ u mismugħ minn kulħadd.

“Marija qagħdet tisma’ x’qed jgħid Ġesu’.”  M’hemm xejn li jindika li kienet eżempju tal-ħajja kontemplattiva, kif jaħsbu xi wħud.  Marta kien moħħha fix-xogħol tad-dar.  Hi l-immaġini ta’ min hu nvolut biex jaqdi l-bżonnijiet neċessarji tal-ħajja ta’ kuljum.  

Il-problema ta’ Marta hi din: kieku kellek tistaqsiha, “Dax-xogħol kollu fejn se jwasslek, u x’sens fih?”  X’kienet twieġeb?  Bħal xi wħud li, għax kisbu suċċess fl-impieg jew fin-negozju, jaħdmu sa tard bil-lejl bil-week-ends b’kollox.  

Jistgħu jkunu qed jagħmlu xogħol siewi u mportanti, imma dan mhuwiex kollox. “Il-ħafna affarijiet u xewqat joħonqu lill-bniedem” (Ittra ta’ Ġakbu).  Waħda omm darba qalet: “Ibni jagħmel ħafna xogħol volontarju, imma tgħidlux jaqra xi silta mill-Bibbja.”  Dan l-iben qed jagħmel xogħol siewi, imma fejn hu d-dawl li jindika d-destin ta’ ħajtu?  Jaf fejn sejjer?

Ix-xogħol mid-dehra ma tantx kien jagħti lil Marta ferħ u kalma.  Dan narawh meta naqraw x’għamlet issa.  B’nifisha maqtgħuh, resqet bis-saħna isserdak fuq ras Ġesu’ u ħaditha kontrieh, mhux kontra oħtha.  

Min jagħmel bħal Marta, eż xi workaholic, ma jistax ikollu ferħ u kalma.  Dan għandu bżonn jieqaf u jirrifletti li l-ħidma kollha tiegħu trid tkun parti minn proġett li jagħti sens lil ħajtu, tajjeb kemm hu tajjeb dak li jagħmel. Dan jgħodd ukoll għall-membri tal-familja: jekk ma jikkordinawx il-ħidma tagħhom u jinkorporawha f’għan aħħari wieħed, jitilfu s-sens ta’ valuri u jispiċċaw jilletikaw kuljum.

“Marta, Marta….” Meta fil-Bibbja nsibu isem repetut (Samwel. Mose, Abram, Sawl) ifisser li hemm vokazzjoni.  Marta msejħa biex tidħol fil-kwalita’ ta’ ħajja li qed jipproponi Ġesu’: 

“Int qed tieħu rasek, jew bi kliem ieħor, ma tafx fejn se taqbad tagħti rasek b’tant xogħol fid-dar, u int aġitata għax ma tafx dan fejn se jwasslek.  

Ħaġa waħda hi meħtieġa.”  Dan hu l-messaġġ għalina llum:  qabel ma ninpenjaw ruħna f’diversi objettivi, irridu naraw x’inhi dil-“ħaġa meħtieġa,” x’inhu l-orjentament tagħna, l-għan aħħari tagħna.  Wara li nagħmlu hekk, allura kollox imbagħad jibda jagħmel sens: xogħol, familja, ħbieb, btajjel.  M’humiex dawn l-impenji li jbegħduna minn Alla imma l-aljenazzjoni, bħal meta tant nitgħabbew, li ma nsibux mument ta’ mistrieħ fejn inkunu nistgħu nirriflettu fuq l-aktar “ħaġa meħtieġa”, l-essenzjal, dak li ma jispiċċa qatt, l-etern.

“Marija għażlet is-sehem it-tajjeb.”  “Is-sehem” hawn ma jfissirx “biċċa” imma n-naħa t-tajba sħiħa.  Is-silta tieqaf hawn: ma nafux x’għamlet Marta.  Marija ma lissnet l-ebda kelma.  Fis-silenzju riedet l-ewwel tifhem, u tirċievi sew id-dawl li jixgħel triqitha. 

Aktarx li kif Ġesu’ waqaf jitkellem, marret tgħin lil Marta għax issa, iva, kull ħidma li se tagħmel, se tagħti sens lil ħajjitha u Marija se sservi bil-ferħ u l-kalma.  

Ġwanni (Kap 12) jgħidilna meta Marija  dilket riġlejn Ġesu’ bi fwieħa taqsam, b’ġenerożita kbira –ġest li jfisser servizz lill-fqar, imħabba lil min għandu bżonn – Marija fehmet li ħajjitha tagħmel sens meta tagħti kollox b’imħabba.  Ġesu’ ma kkundannax lil Marta, imma ried jgħallimha li dax-xogħol kollu jkun konfużjoni jekk qabel ma toqgħodx tisma’ l-kelma tiegħu.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form