“Imma intom, min tgħidu li jien?”
Din hija waħda minn dawk il-mistoqsijiet ta’ Ġesù li ma nistgħux inwieġbuha biss bil-kliem.
Għax Ġesù mhux qed jagħmel xi stħarriġ / survey biex jara kemm hu popolari.
Mhux qed jistaqsi lid-dixxipli kemm semgħu affarijiet fuqu.
Qed iwassalhom għal mistoqsija ħafna aktar personali:
“Jien min jien għalik?”
U din hija l-istess mistoqsija li llum jagħmel lilna.
Min jien għalik fil-familja tiegħek?
Min jien għalik meta tkun fuq ix-xogħol?
Min jien għalik meta jkollok tagħmel għażla diffiċli?
Min jien għalik meta tkun imweġġa’?
Min jien għalik meta l-affarijiet ma jkunux sejrin kif xtaqt?
U forsi mistoqsija importanti oħra hi:
Il-mod kif qed ngħix verament juri min ngħid li hu Ġesù għalija?
Ċesarea ta’ Filippu: Post ta’ Ġid, Poter u Allat
Mhux b’kumbinazzjoni li Ġesù jagħmel din il-mistoqsija proprju fl-inħawi ta’ Ċesarea ta’ Filippu.
Kien post fertili ħafna. Kien hemm l-ilma, allura mergħat kollha ħdura, prodotti tajbin u prosperità.
Kien hemm ukoll tempji ddedikati lill-allat tan-natura.
U hemmhekk kien hemm ukoll il-belt mibnija minn Filippu, iben Erodi.
Fi kliem ieħor, quddiem id-dixxipli kien hemm ħafna minn dak li d-dinja tqis bħala suċċess:
Ġid, poter, pożizzjoni, abbundanza, palazzi, influwenza.
U proprju f’dak l-ambjent Ġesù jistaqsi:
“In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?”
Kważi qisu qed jgħid: Qed taraw dan kollu? Qed taraw x’issejjaħ suċċess fid-dinja?
Imma intom x’taħsbu li jfisser, li bniedem jirnexxi tassew?
Din għalina hija mistoqsija importanti ħafna.
Għax anke aħna ngħixu f’dinja li kontinwament tgħidilna x’għandu jkollna biex inkunu “wasalna” jew ta' "suċċess".
Dar aħjar . . . karozza aħjar . . . aktar flus . . xogħol b’pożizzjoni tajjba . . . aktar followers u aktar likes . . . u l-lista ma tispiċċc qatt,
Imma tajjeb nistaqsu: Dawn l-affarijiet, qed jagħmlu minni persuna ferħana tassew?
Mhux qed ngħid li l-flus jew is-suċċess huma ħżiena.
Il-problema tibda meta npoġġu lilhom fiċ-ċentru, fi klien ieħor, ngħamluhom il-blata li fuqha nibnu ħajjitna.
Fuq Xiex Qed Nibni Ħajti?
Aħna lkoll qed nibnu xi ħaġa.
Forsi qed nibnu familja, jew qed nibnu relazzjonijiet.
Forsi qed nibnu karriera, jew qed nibnu futur.
Il-mistoqsija mhijiex jekk hux qed nibni xiħaġa, imma l-mistoqsija hija: Fuq xiex qed nibnu ħajjitna?
Ġesù darba qal parabbola fuq żewġt irġiel.
Wieħed bena fuq il-blat u l-ieħor bena fuq ir-ramel.
Minn barra setgħu jidhru żewġt idjar sbieħ ħafna.
Id-differenza dehret meta ġie l-maltemp.
U hekk jiġri fil-ħajja.
Meta kollox miexi sew, ħafna affarijiet jistgħu jidhru qishom pedament sod.
Nistaqsi: Imma x'jiġri meta tfeġġ problema?
Forsi jinaqala xi mard . . . forsi tinqala problema bejn il-koppja . . . forsi xiħadd jitlef xogħlu . . . jew forsi xiħadd li kont tafda jweġġgħek.
Hawnhekk nibdew nindunaw x’kien verament il-pedament tagħna, għax dak li kont qed tibni fuqu jibda jitħawwad u jiġġarraf.
Id-dixxipli jibdew jagħtu lil Ġesù l-opinjonijiet tan-nies.
“Ġwanni l-Battista.” “Elija.” “Ġeremija.” “Wieħed mill-profeti.”
Kollha tweġibiet sbieħ. Imma Ġesù ma jieqafx hemm.
“Imma intom, min tgħidu li jien?”
Din il-kelma “intom” tbiddel kollox.
Għax huwa faċli ħafna nitkellmu u ngħidu x’jemmnu l-oħrajn.
Ez “Il-Knisja tgħallem dak il-mod…” jew “Il-ġenituri tiegħi għallmuni . . tant affarijiet”
Dawn kollha jistgħu jgħinuna.
Imma jiġi mument fejn il-fidi trid issir tiegħi.
Mhux il-fidi tan-nanna, jew tal-ġenituri, jew tal-qassis. . . Tiegħi!
Ġesù jistaqsik personalment: “Jien min jien għalik?”
Pietru jgħid: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla ħaj.”
Tweġiba tajjba u qawwija. Iżda Pietru kien għad baqalu ħafna x’jitgħallem f'dak il-mument.
Aħna lkoll nafu li aktar il-quddiem Pietru kellu jiżbalja kemm il-darba.
Kien għadu se jifhem ħażin lil Ġesù u kien għadu se jiċħdu.
U din tagħtini ħafna tama, għax Ġesù ma jagħżilx nies li diġà waslu.
Ġesù jagħżel nies li huma lesti jimxu miegħu.
Pietru għandu fidi, imma għandu wkoll il-biżgħat tiegħu.
Għandu l-kuraġġ, imma kultant jaġixxi bla ma jaħseb.
Jistqarr lil Kristu, imma aktar tard se jaħrab.
U Ġesù xorta jgħidlu: “Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi.”
Iva, Alla jista’ jaħdem b’nies imperfetti. U din hija aħbar tajba għalina lkoll.
Min jaf Kemm-il darba f’moħħna jgħaddu dawn il-ħsiebijiet:
“Jien m’iniex tajjeb biżżejjed.”
“Jien għamilt wisq żbalji.”
“Ħaddieħor aħjar minni.”
“Jien m’għandi xejn x’noffri.”
Imma tajjeb nistaqsu: Dan huwa fatt jew huwa ħsieb li drajt nemmen?
Pietru seta’ qal hekk. U fil-fatt kellu ħafna raġunijiet biex seta' jħossu mhux biżżejjed, imma Ġesù ra fih aktar minn dak li Pietru kien jara fih innifsu.
Ġesù ra l-persuna li seta’ jsir.
Dan ma jfissirx li ninjoraw id-dgħufijiet tagħna.
Imma dan ifisser li ma nħallux id-dgħufijiet tagħna jsiru l-identità tagħna.
Tista’ tkun għamilt żball, imma inti m’intix l-iżball li wettaqt.
Tista’ tkun fallejt f’xi ħaġa, imma inti m’intix falliment.
Li hu ċert hu li Alla għadu jaħdem fik u Alla li jħobbok.
“Fuq Din il-Blata Nibni l-Knisja Tiegħi”
Il-blata huwa Kristu u l-fidi fih. U fuq Kristu tinbena komunità, familja jew persuna b'saħħitha.
Ġesù jagħmel wegħda : “Il-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex.”
Il-bieb huwa xi ħaġa li tagħlaq jew xi ħaġa li tipprova żżommok barra.
U fil-ħajja tagħna wkoll hemm ħafna bibien magħluqa.
Il-bieb tal-biża’.
Il-bieb tal-mistħija.
Il-bieb tal-vizzju.
Il-bieb tal-korla.
Il-bieb tal-ġudizzju.
Il-bieb tal-egoiżmu.
Il-bieb tal-idea:“Jien qatt ma nista’ ninbidel.”
Il-bieb: “Għalija spiċċa kollox.”
Il-bieb: “M’hemmx tama.”
Imma bil-Qawmien tiegħu Kristu jurina li l-ebda bieb ma huwa akbar mill-qawwa tiegħu.
Ġesu' ġab fix-xejn il-bieb tal-mewt!
Allura għaliex aħna għandna naqtgħu qalbna minn xulxin?
Għaliex għandna naqtgħu qalbna minna nfusna?
Ġesù jgħid lil Pietru: “Lilek nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.”
Meta jkollok ċavetta, tista’ tiftaħ bieb . . . u din għanda twassalna nirriflettu u nistaqsu lilna nfusna: Jien qed niftaħ il-bibien jew qed nagħlaqhom?
Fil-familja tiegħi, kliemi jiftaħ bieb għall-komunikazzjoni? Jew jagħlaq?
Fil-komunità, kull fejn inkun, il-mod kif nilqa’ persuna jgħidilha “Hawn post għalik”? Jew jagħtiha x’tifhem: “Int mhux wieħed minna.”
Meta xi ħadd jiżbalja, ngħinu jqum? Jew nibqgħu nfakkruh fl-iżball?
Meta niltaqgħu ma’ persuna li tbiegħdet mill-Knisja, nagħmlulha spazju biex terġa’ tersaq?
Jew l-ewwel nagħmlulha lista ta’ dak kollu li għandha tirranġa?
Il-Knisja għandha f’idejha ċwievet, mhux katnazzi.
Rifelssjoni Personali.
Immaġina lil Ġesù jistaqsik personalment: “Int min tgħid li jien?”
Tippruvax tagħtih it-tweġiba li taħseb li għandek tagħti.
Agħtih it-tweġiba vera.
Forsi:
“Mulej, irrid nemmen, imma kultant nibża’.”
“Mulej, nemmen fik, imma qed nipprova nikkontrolla kollox jien.”
“Mulej, naf ħafna fuqek, imma nixtieq insir naf lilek.”
“Mulej, għandi bżonn nerġa’ nibni ħajti fuqek.”
Staqsi lilek innifsek: X’inhi dik il-ħaġa waħda f’ħajti li hija ir-ramel li qed nibni ħajti fuqha?
Opinjoni tan-nies?
Flus?
Status?
Biża’?
Kontroll?
Relazzjoni?
Suċċess?
U x’pass wieħed nista’ nagħmel biex nerġa’ npoġġi lil Kristu bħala l-blata?
Forsi nitlob.
Forsi nitkellem ma’ xi ħadd.
Forsi nerġa’ nersaq lejn il-Qrar.
Forsi nerġa’ nibda mmur il-Quddiesa.
Forsi ningħaqad ma’ komunità.
Forsi nitlob għajnuna.
Forsi li naġixxi fuq xi deċiżjoni li ilni nwarrab.
Pass wieħed. Iva, Alla jista’ jibda jaħdem ħafna minn pass żgħir.
Talba
Mulej Ġesù,
illum inti tistaqsini: “Int min tgħid li jien?”
Għinni biex ma nwieġbekx biss bil-kliem, imma bil-ħajja tiegħi.
Kun il-blata li fuqha nibni l-familja tiegħi, ir-relazzjonijiet tiegħi, il-ħolm tiegħi u l-futur tiegħi.
Meta l-biża’ tgħidli li kollox se jmur ħażin, għinni niftakar li inti miegħi.
Meta naħseb li m’iniex biżżejjed, fakkarni li inti tista’ taħdem anke bid-dgħufija tiegħi.
Bierek lill-familji tagħna. Saħħaħ lill-ġenituri li jinsabu għajjenin jew inkwetati għal uliedhom.
Kun qrib iż-żgħażagħ tagħna, speċjalment dawk li qed ifittxu post fejn ikunu milqugħa, mismugħa u maħbuba.
Agħmel mill-Knisja tagħna familja ta’ ġebel ħaj.
Komunità li tiftaħ il-bibien.
Komunità li tgħin lil min waqa’ jerġa’ jqum.
Komunità fejn min ilu ’l bogħod jista’ jerġa’ jiskopri lilek.
U fuq kollox, Mulej, għallimni nibni ħajti mhux fuq ir-ramel ta’ dak li jgħaddi, imma fuqek, il-Blata li tibqa’.
Ammen.
.jpg)
No comments:
Post a Comment