“Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”
Din hija l-kelma li Ġesù jgħid lid-dixxipli meta kienu f’nofs ta' baħar, fid-dlam, jitħabtu mal-mewġ u bir-riħ kontrihom.
U proprju hemm nistgħu naraw lilna nfusna, jew lill-familji tagħna.
Għax ilkoll, f’xi mument jew ieħor, nistgħu insibu ruħna fuq dgħajsa li tidher maqbuda fil-maltemp, u fuqha nkunu qed nagħmlu l-almu kollu tagħna, fejn fiċ-ċirkustanza nippruvaw nibqgħu sodi, jew nippruvaw inżommu kollox flimkien.
Meta Nħossuna F’nofs Tempesta
Għal x'uħud it-tempesta tista' tkun diffikultajiet finanzjarji . . . spejjeż dejjem jiżdiedu, jew ikun hemm il-biża’ ta’ xi spiża mhux mistennija.
Ikun hemm min jistaqsi jekk hux se jirnexxilu jħallas il-kontijiet, iżomm id-dar jew jipprovdi dak kollu li għandhom bżonn it-tfal.
Hawn min qed jaffaċċja mard serju jew hawn min taħkmu l-biża’ għax iħoss xi sintomu żgħir u dan malajr jikber f'maltempata ġewwa moħħnu.
Mistoqsijiet u dubji bla qatiegħ ez:
“U jekk hi xi ħaġa gravi?”
“Jekk jiġri xi ħaġa lil xi ħadd li nħobb?”
“Jekk ma nkunx kapaċi nlaħħaq?”
Hawn min minn barra jidher tajjeb, imma ġewwa jkun hemm skiet, tensjoni u solitudni. U dan kollu jħalli konsegwenzi fil-ħajja ta' kuljum u r-relazzjoijiet tagħna.
Koppji ma jibqgħux jitkellmu kif kienu qabel.
Ġenituri jħossuhom li tilfu kull kontroll fid-dar u ma jkunux jafu kif għandhom jilħqu lil uliedhom.
L-ulied iħossuhom mhux mifhuma.
Ilkoll inkun fl-istess dar, imma kull wieħed ikun qed jitħabat mal-mewġ tiegħu.
Iż-Żgħażagħ Għandhom ukoll ir-Riħ Kontrihom
Xi kultant naħsbu li ż-żgħażagħ tal-llum għandhom ħajja faċli, għax forsi għandhom il-mobiles, għandhom l-internet, u allura aktar opportunitajiet.
Imma ħafna żgħażagħ illum qed iġorru piżijiet li ma jidhrux.
Hemm min jibża' li m'hux tajjeb biżżejjed.
Hemm il-biża' li ma jiġux aċċettati.
Jibżgħu li jiġu mwarrba minn sħabhom.
Jibżgħu li jfallu fl-istudju, fix-xogħol, fir-relazzjonijiet jew fil-ħajja.
Huma l-ħafna li jqabblu lilhom infushom kontinwament ma’ dak li jaraw fuq il-midja soċjali; jaraw lill-oħrajn jidhru ferħanin, sbieħ, popolari u ta’ suċċess, imbagħad iħarsu lejhom infushom u f'qalbhom jgħidu:
“Jien m’iniex biżżejjed.” jew “Ħadd ma jridni.” “Ħadd ma jifhimni.” jew “Qatt mhu se nirnexxi.”
Imma mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħna huwa veru.
Ħsieb persistenti ġewwa moħħna jista’ jkollu mpatt qawwi f'ħajjitna.
Jista’ jġiegħlek tibża’, jew jista’ jġiegħlek tħossok waħdek.
Imma dan ma jfissirx li huwa fatt.
Meta żagħżugħ jgħaddilu minn moħħu l-kliem, “Jien ma niswa għal xejn,” Jiena ċert li dik żgur m'ħijiex il-vuċi t'Alla.
Jew meta jaħseb, “Ma hemmx post għalija,” dik m'hijiex verità assoluta.
Meta l-ħsieb ikun li, “Kulħadd aħjar minni,” ikun qed iħares biss lejn parti ċkejkna mill-istampa sabiħa u l-pjan li ħalaq Alla għal kull wieħed u waħda minna.
Alla jħares lejna mod ieħor, u fina Hu jara persuna maħbuba, li għandha dinjità. Alla jara persuna mimlija doni u persuna li għandha sejjħa u missjoni partikolari.
Iva, Alla jara persuna li għandha post fil-familja, fil-Knisja u fil-komunità.
“Jien Hu”
Meta d-dixxipli raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar, beżgħu, għax m'għarfuhx.
Ħasbuh fantażma . . . Dan jiġri lilna wkoll.
Meta nkunu mbeżżgħin, mhux dejjem naraw ir-realtà kif inhi.
Il-biża’ tkabbar is-sens ta' periklu.
Il-biża’ tagħtik dik l-istampa li l-agħar se jiġri żgur.
Il-biża’ twassalna naraw theddida anki fejn jista’ jkun hemm tama.
Imma Ġesù jgħid: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”
Ma jgħidilhomx li ma kienx hemm mewġ.
Ma jgħidilhomx li r-riħ ma kienx qawwi.
Ma jippretendix li l-problema ma teżistix.
Jgħidilhom: “Jien hawn.”
Din hija l-qalba tat-tama Nisranija.
It-tama ma tfissirx li ngħidu li kollox sew meta mhux.
It-tama ma tfissirx li ninjoraw il-problemi.
It-tama tfisser li nemmnu li l-problema mhix l-unika realtà.
Ir-riħ huwa reali, imma Ġesù huwa reali wkoll.
Il-biża’ hija reali, imma l-imħabba ta’ Alla hija akbar.
Il-lejl jista’ jkun twil, imma l-lejl ma jdumx għal dejjem.
Pietru Joħroġ mid-Dgħajsa
Pietru jgħid lil Ġesù: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk.”
U Ġesù jgħidlu: “Ejja.” . . . Kelma waħda.
Imma kelma li titlob fiduċja.
Pietru niżel mid-dgħajsa u beda miexi lejn Ġesù, u dment li baqa’ jħares lejh, mexa ’l quddiem.
Imma meta beda jħares lejn ir-riħ, beża’.
Meta ffoka biss fuq il-periklu, beda jegħreq, u hekk jiġri lilna.
Meta niffokaw biss fuq dak li jista’ jmur ħażin, il-biża’ tikber.
Meta nirrepetu l-istess ħsibijiet ta’ biża’, qalbna tibda tegħreq qabel ma tkun ġrat xi ħaġa. (Ninfaxxaw rasna qabel ma naqsmuha)
“X’jiġri jekk ma nlaħħqux?”
“X’jiġri jekk uliedna jabbandunawna?”
“X’jiġri jekk ma nsibx xogħol?”
“X’jiġri jekk ma ngħoġob lil ħadd?”
“X’jiġri jekk infalli?”
“X’jiġri jekk nibqa’ waħdi?”
Dawn il-ħsibijiet jistgħu jidhru qishom fatti. Imma ħafna drabi jkunu biżgħat, mhux profeziji.
Għalhekk tajjeb li nieqfu u nistaqsu:
Dan li qed naħseb huwa fatt jew biża’?
Għandi evidenza li żgur se jiġri l-agħar li jista' jiġri?
Qiegħed nara l-istampa kollha?
X’ngħid lil persuna li nħobb kieku kienet qed taħseb bħali?
U fuq kollox: Fejn qiegħed Ġesù f’dan kollu?
“Salvani, Mulej!”
Meta Pietru beda jegħreq, qal talba qasira ħafna: “Salvani, Mulej!”
Ma kellux kliem sabiħ, u lanqas ma kellu xi talba twila.
Kellu biss bżonn, u Ġesù medd idu malajr.
Din hija waħda mill-isbaħ xeni ta’ dan il-Vanġelu.
Ġesù ma stenniex lil Pietru jsir perfett, u lanqas ma ħallieħ jegħreq biex jagħtih lezzjoni.
L-ewwel jaqbdu u jerfgħu . . . L-ewwel isalvah.
Imbagħad jgħinu jifhem.
Dan huwa importanti ħafna għlina lkoll, għax meta xiħadd ikun qed jegħreq emozzjonalment, l-ewwel m'għandu bżonn hu daqqa t'id.
Mhux prietka . . . Mhux kritika . . . Mhux sentenza . . . Imma daqqa t'id.
Meta żagħżugħ jgħid li ma jiflaħx aktar, għandna niftħu widnejna.
Meta xi ħadd jingħalaq fih innifsu, għandna nersqu lejh.
Meta membru tal-familja jkun anzjuż, m’għandniex ngħidulu sempliċiment, “Tinkwetax.”
Għandna ngħidulu:
“Jien hawn.” . . . “Ejja nitkellmu.” . . . “Mhux ser inħallik tgħaddi minn dan waħdek.” . . . “Ejja nfittxu l-għajnuna flimkien.”
U Xikultant l-id ta’ Ġesù tasal permezz ta’ ġenitur, jew permezz ta’ ħabib.
Permezz ta’ saċerdot, leader jew permezz ta’ għalliem.
Permezz ta’ counsellor jew professjonisti differenti.
Il-fidi ma tfissirx li rridu nsolvu kollox waħedna. Il-fidi tfisser ukoll li naċċettaw l-għajnuna li Alla jibgħatilna.
Il-Familja u l-Komunita' bħala Dgħajsa
Il-familja u l-komunita' m'humiex postijiet fejn qatt ma jkun hemm maltemp, iżda huma postijiet fejn nitgħallmu ma nħallux lil xulxin negħrqu.
Xi kultant il-ġenituri jkunu dawk li jżommu lill-familja soda, u drabi oħra huma stess ikollhom bżonn min jerfagħhom.
Xi kultant żagħżugħ ikun jidher b’saħħtu, imma minn ġewwa jkun għajjien ħafna.
Xi kultant it-tfal ma jkunux qed ifittxu biss attenzjoni, iżda jkunu qed ifittxu dik il-konnessjoni.
Ikunu qed jistaqsu, mingħajr kliem:
“Qed tarani?” . . . "Qed tagħti kasi?" . . . “Qed tismagħni?” . . . “Għadni importanti għalik?”
Għalhekk il-komunikazzjoni hija mportanti.
Il-kliem, veru li jista’ jsir riħ kontra. imma jista’ jkun ukoll daqqa t'id.
Minflok ngħidu: “Int dejjem hekk.”
Nistgħu ngħidu: “Ejja nifhmu x’ġara.”
Minflok: “Int ma tagħmel xejn sew.”
Nistgħu ngħidu: “Din ma rnexxietx, imma nistgħu nerġgħu nippruvaw.”
Minflok: “Fi żmieni ma konniex hekk.”
Nistgħu ngħidu: “Għinni nifhem x’qed tgħaddi minnu.”
Minflok: “Int qed tkabbarha.”
Nistgħu ngħidu: “Nista’ nara li din qed tweġġgħek.”
Minflok: “M’hemmx tama.”
Nistgħu ngħidu: “Għadna ma sibniex it-triq, imma se nfittxuha flimkien.”
Il-Knisja Għandha Tkun Dgħajsa li Tilqa’
Din id-dgħajsa hija wkoll xbieha tal-Knisja. Knisja li mhux magħmula minn nies perfetti.
Il-Knisja hija komunità ta’ nies li qed jitgħallmu jafdaw lil Ġesù waqt il-maltemp.
Għalhekk iż-żgħażagħ għandhom bżonn isibu fil-komunita' u fil-Knisja post fejn tassew jistgħu jkunu dak li huma.
Post fejn ma jiġux iġġudikati.
Post fejn jiġu mismugħa, u post fejn jistgħu jistaqsu.
Post fejn jistgħu jiżbaljaw u jerġgħu jibdew.
Post fejn isibu ħbiberija, direzzjoni, valuri u skop.
Iż-żgħażagħ mhux qed jitbiegħdu minn Alla.
Qegħdin ifittxu lil Alla, imma forsi għadhom ma sabux komunità li tgħinhom jagħrfuh.
Għalhekk bħala familji u bħala Knisja għandna nistaqsu:
Aħna qegħdin nistednuhom jidħlu fid-dgħajsa?
Qiegħdin nagħtuhom post?
Qiegħdin nagħtuhom responsabbiltà?
Qiegħdin nemmnu fid-doni tagħhom?
Jew qed nitolbuhom joqogħdu hemm, siekta, u jagħmlu kollox kif dejjem sar?
Iż-Żagħżugħ mhux biss il-futur tal-Knisja, imma huwa parti mill-Knisja llum.
Meta Ġesù Jitla’ fid-Dgħajsa
Meta Ġesù u Pietru telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf.
Mhux dejjem il-problemi tagħna jieqfu minnufih.
Mhux kull marda tgħaddi mal-ewwel talba.
Mhux kull tensjoni fil-familja tissolva f’ġurnata waħda.
Mhux kull żagħżugħ isib it-triq tiegħu mill-ewwel.
Imma meta nħallu lil Ġesù jidħol fid-dgħajsa, xi ħaġa tinbidel.
Forsi s-sitwazzjoni tibqa’ diffiċli, imma ma nibqgħux waħedna.
Forsi għad m’għandniex it-tweġibiet kollha, imma jkollna l-kuraġġ nagħmlu l-pass li jmiss.
Forsi r-riħ għadu hemm, imma ma jibqax imexxina.
Forsi l-biża’ tibqa’ tħabbat, imma ma tibqax tiddeċiedi għalina.
Ġesù qed jgħidilna: “Jien hawn.”
Qed jgħid lill-ġenituri:“Intom m’intomx waħedkom.”
Qed jgħid lill-koppji: “Għad hemm triq.”
Qed jgħid liż-żgħażagħ: “Int maħbub. Int importanti. Int għandek post.”
Qed jgħid lil min qed jegħreq fid-dubji: “Agħtini jdejk.”
Mistoqsijiet ta' Riflessjoni Personali
X’inhu dak ir-riħ li bħalissa qed ikun kontrijja?
X’inhi dik il-biża’ li qed inġorr waħdi?
X’għandi bżonn nagħmel f'dan il-mument?
X’pass wieħed nista' nagħmel?
Talba
Mulej Ġesù, meta r-riħ ikun kontrina, għinna niftakru li int magħna.
Meta l-biża’ tikber, għinna nħarsu lejk.
Meta nibdew negħrqu fid-dubji, agħtina jdejk u erfagħna.
Bierek lill-familji tagħna. . . saħħaħ lill-ġenituri . . . u fejjaq il-ġrieħi bejnietna.
Ħares lejn iż-żgħażagħ tagħna, speċjalment lil dawk li jħossuhom waħedhom, mhux mifhuma jew mhux aċċettati.
Għinna nkunu komunità li tilqa’, Knisja li tisma’, u familja li ma tħalli lil ħadd jegħreq waħdu.
Idħol fid-dgħajsa tagħna u agħtina l-kuraġġ, il-paċi u t-tama.
Ammen.
.jpg)
No comments:
Post a Comment