Meta Pixel Code

14 August 2026

Meta Alla Jkissrilna l-Kaxxi li Npoġġu lin-Nies Fihom - Riflessjonijiet minn Roderick Agius

 


“Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.”

Illum il-Vanġelu jpoġġina quddiem xena li tista’ tqanqalna ftit.

Ġesù jidħol f'post li ma kienx meqjus “home”, u jiltaqa’ ma’ mara li ma kinitx Lhudija. Kinet mara Kangħanija. 

Għalihom kienet barranija, u f’għajnejn ħafna nies ta’ dak iż-żmien, ma kienitx meqjusa bħala ta' ġewwa.

Għall-Lhud kienet meqjusa bħala barra miċ-ċirku tagħhom, u ta' klassi anqas minnhom. Mhux parti mill-poplu tagħhom, u allura kienet maqtugħa barra mill-istorja tas-salvazzjoni kif kienu jifhmuha huma.

Imma proprju minn din il-mara Ġesù joħroġ waħda mill-isbaħ stqarrijiet tal-Vanġelu: 

“Il-fidi tiegħek kbira.”

U hawn tibda l-isfida għalina, għax xi kultant aħna wkoll inkunu tajbin ħafna biex inqiegħdu lin-nies f’kaxxi differenti.

Dan tajjeb.

Dak ħażin.

Dan reliġjuż.

Dak ma jersaqx lejn il-Knisja.

Dan “wieħed minna”.

Dak differenti.

Din il-persuna għamlet żbalji.

Dak għandu passat.

Din għandha ħajja komplikata.

Dak ma jaħsibx bħali.

U bla ma nindunaw, nibdew niddeċiedu min jistħoqqlu post mal-mejda u min le.

Id-Dixxipli Raw Problema. Ġesù Ra Persuna.

Il-mara kienet qed tgħajjat:“Ħenn għalija, Mulej!”

U d-dixxipli x’qalu?

Kważi kważi: “Eħles minnha.”

Mhux għax kienu mqanqla mill-uġigħ tagħha, imma għax kienet qed iddejjaqhom.

Din hija rejalta' mportanti li rridu nieħdu ħsieb, għax kultant il-bżonnijiet tal-persuna l-oħra jiddejjaqna. 

Eżempju:

Xi ħadd li jirrepeti l-istess problema, . . . xi ħadd li dejjem għandu bżonn jitkellem . . . Xi ħadd li jitkellem dwar l-ansjetà tiegħu,  jaf idejjaqna.

Xi ħadd li huwa introvert, jew xi ħadd li huwa storbjuż, jaf idejjaqna.

Xi ħadd jidħol fil-grupp u ma jafx kif iġib ruħu, jew xi ħadd għandu diffikultajiet soċjali, jaf idejjaqna.

Xi ħadd mhux “it-tip tagħna”, jew xi ħadd ma jaqbilx magħna, ukoll jaf idejjaqna.

U f'moħħna malajr ngħidu . . . “Din il-persuna diffiċli.” jew “Din qatt ma tinbidel.” . . . Jew agħar minn hekk “Ma nafx għalfejn għadu jiġi.” jew 

“Mhux posthom magħna.” U bla ma nintebħu, bil-ġudizzju tagħna lil dik il-persuna nkunu waddabniha ġo kaxxa li għandha titwarrab minnufuh.

Imma hawn irridu nieqfu, għax mhux kull ħsieb li jgħaddi minn moħħna huwa verità.

Dak li qed naħseb fuq dik il-persuna huwa fatt, jew qed nassumi?

Qiegħed nara l-persuna kif inhi jew qed nara t-tikketta li poġġejtilha?


Il-Problema tal-Fariżej Kienet Moħħ Magħluq

Ftit qabel din il-ġrajja, lil Ġesu' narawh f’konfront mal-Fariżej.

Dawn kienu tant iffukati fuq ir-regoli u d-drawwiet li kellhom, li kienu qed jitilfu dak li Alla verament ried mill-poplu tiegħu.

Ġesù jgħidilhom: Mhux dak li jidħol fil-bniedem iniġġsu, imma dak li joħroġ mill-qalb.

Nistaqsi: Nistgħu nkunu perfetti minn barra, umbgħad minn ġewwa jkollna l-preġudizzji fuq l-oħrajn ?

Irridu noqogħdu ferm attenti għax aħna nistgħu immorru l-quddies, nitolbu, nistgħu nkunu attivi fil-Knisja, nistgħu inkunu leaders u xorta waħda jkollna qalb magħluqa għal ċerti nies . . U din hi perikoluża.

Għax fidi li ma twassalnix biex inħares lejn il-bniedem b’aktar ħniena, trid terġa’ tiġi eżaminata.

Min Hu l-“Kangħani” f’Ħajtek?

U allura tajjeb nistaqsu lilna nfusna:

Min hu dak il-bniedem li għalih jien diġa għandi t-tikketta lesta?

Min hi dik il-persuna li nippreferi ma tkunx fiċ-ċirku tiegħi?

Min hu l-bniedem li meta jitkellem diġà ddeċidejt li mhux se naqbel miegħu?

Min hi dik il-persuna li bi żball wieħed tagħha saret l-identità kollha tagħha f’moħħi?

Forsi xi kollega fuq ix-xogħol, jew xi membru tal-familja.

Forsi xi persuna fil-grupp jew xi ħadd fil-parroċċa.

Forsi xi ħadd li għandu opinjonijiet differenti minn tiegħi, jew forsi persuna li l-ħajja tagħha ma mxietx kif kont nistenna.

U Ġesù llum jistaqsina: “Inti lil din il-persuna qed taraha kif naraha jien?”


Il-Knisja Mhijiex Klabb ta’ Nies Perfetti

Din hi xi ħaġa li rridu niftakru, u fuq kollox nibqgħu infakkru lil xulxin.

Il-Knisja m'hijiex klabb magħluq għal dawk li “għandhom kollox sew”.

Il-Knisja hija dar post li tilqa' . . . familja . . . sptar spiritwali.

Post fejn min hu ferut jista’ jidħol.

Post fejn min hu mitluf jista’ jerġa’ jsib direzzjoni.

Post fejn min hu waħdu jista’ jsib komunità.

Post fejn min għandu mistoqsijiet jista’ jibda jfittex.

U jekk persuna tidħol fil-komunità tagħna u tħossha ġġudikata qabel ma tkun magħrufa . . . għandna problema.

Għax forsi qed ngħidu: “Ejja għand Ġesù.”

Imma bil-mod kif inġibu ruħna qed ngħidu: “Imma l-ewwel trid tkun bħali.”

Ġesù ma jaħdimx hekk!

Il-Mara Ma Ħallietx il-Ġudizzju Jwaqqafha

Xi ħaġa sabiħa ħafna f’din il-mara hija li ma waqfitx . . . tgħajjat . . . terrsaq . . .  tinxteħet quddiem Ġesù u titlobu “Għinni, Mulej.”

Talba sempliċi . . .mhux diskors twil, jew xi teoloġija komplikata. Kelma waħda “Għinni.”

U hawn irridu niftħu għajnejna għax forsi madwarna hemm nies li l-għajta tagħhom għall-għajnuna ma tiġix bil-kliem, imma naraw sinjali oħra . . . eż

Dan jaf ikun xiħadd li minn barra jaf jidher qed isir aggressiv, jew xiħadd li jingħalaq fih innifsu.

Forsi xiħadd li jibda jwaqqa kollox għaċ-ċjat, biex forsi jfittex l-attenzjoni.

Xi ħadd li jitkellem ħafna jew xiħadd li ma jitkellem xejn.

U forsi taħt dak kollu hemm għajta: “Arani” . .   “Aċċettani.” . .“Tħallinix waħdi.” . . . “Għinni.”

Il-mistoqsija hija: Jien ser inkunu bħad-dixxipli li ngħid “ibgħatha”?

Jew se nitgħallem minn Ġesù u nħares aktar fil-fond?


Il-Fidi Tagħha Kienet Akbar Mit-Tikketta li Kellha

Għan-nies kienet Kangħanija . . .barranija . . . pagana.

Imma għal Ġesù kienet mara ta’ fidi kbira.

Ara d-differenza.

In-nies raw il-kategorija . . . il-klassi, imma Ġesù ra l-qalb.

U forsi dan hu eżattament dak li Alla jrid jgħallimna llum:

Il-persuna mhijiex il-passat li kellha, jew xi żball li wettqet.

Il-persuna mhijiex ir-reputazzjoni tagħha.

Il-persuna mhijiex l-opinjoni tiegħek li inti għandek fuqha.

Quddiem Alla, hemm dejjem  aktar.


Anke Aħna Għandna Bżonn Nikkonvertu . . . Ninbidlu.

Xi kultant naħsbu li l-konverżjoni hi għal min ma jmurx il-Knisja.

Imma l-Evanġelju llum jista’ jkun li jitlob konverżjoni minna li diġà qegħdin hawn.

Konverżjoni kif inħarsu . . . kif nitkellmu fuq in-nies.

Konverżjoni mill-idea li “jiena naf x’tip ta’ persuna hi”.

Konverżjoni mill-ħsieb: “Jien qatt ma nagħmel bħalha.”

Għax jekk hemm ħaġa li l-ħajja tgħallimna hi din: kulħadd għandu battalja li ma tidhirx.

U kulħadd għandu bżonn ħniena.


Eżerċizzju Sempliċi.

Aħseb f’persuna waħda li int għandek tendenza tiġġudika.

Mhux għax għandek għalfejn taqbel magħha.

Mhux għax trid taqbel ma dak kollu li tagħmel.

Imma agħti opportunita lilek innifsek sabiex tħares lejha minn perspettiva differenti.

Itlob għaliha . . .  ismagħha . . . staqsiha kif inhi.


Meta f'moħħok jiġuk il-ħsibijiet bħall: “Dan dejjem hekk…”

wieġeb: “Jien naf l-istorja kollha?”


Meta moħħok jgħid: “Din qatt ma tinbidel…”

wieġeb: “Alla għadu jaħdem fiha.”


Meta moħħok jgħid: “Mhux waħda minna…”

wieġeb: “Quddiem Alla hija persuna maħbuba.”


Illum Ġesù joħroġ mill-konfini.

Joħroġ mill-mentalità magħluqa u jiltaqa’ ma’ persuna li ħafna kienu jqisuha ta' barra, . . .  u proprju fiha jsib fidi kbira.

Illum Alla qed jipprepara lilna wkoll biex in-nies li niltaqgħu magħħm ma nagħtuhomx tikketta.

Il-mistoqsija hi: Se nagħlqu l-bieb?

Jew se nkunu komunità fejn kulħadd jista’ jsib post?

Ejjew inkomplu naħdmu sabiex min hu differenti ma jiġix biss ittollerat, imma milqugħ.

J'Alla fil-Knisja ma nisimgħux biss il-Kelma t’Alla, imma tidher fina fil-mod kif nittrattaw lil proxxmu tagħna.

U forsi dak il-bniedem li aħna konna lesti niġġudikaw, jista’ jkun dak li Ġesù iħares lejh u jgħidlu: “Il-fidi tiegħek kbira.”


Talba

Mulej Ġesù, iftħilna qalbna meta nagħlquha għall-oħrajn.

Iftaħ moħħna meta naħsbu li nafu kollox fuq xiħadd.

Neħħi minna l-ġudizzju, il-preġudizzju u l-biża’ minn min hu differenti.

Agħtina għajnejk biex naraw.

Widnejk biex nisimgħu.

U qalbek biex nilqgħu.

Agħmel mill-komunitajiet tagħna postijiet u familji fejn min hu waħdu jsib post, fejn min hu ferut isib ħniena, u fejn min ilu 'l bogħod jerġa’ jiskopri li hemm post għalih ħdejk.

Ammen.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form